Lokali Saħħa

Pressjoni kbira fuq it-tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa… il-professjonisti b’azzjonijiet industrijali minn nhar l-Erbgħa

Ftit tal-ħin ilu għadha kif intemmet laqgħa bejn il-MAM u l-Ministru JoEtienne Abela fejn it-tobba ppreżentaw numru ta’ soluzzjonijiet sabiex tiġi indirizzata l-kriżi li hemm bħalissa fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Dan apparti l-istat ta’ emerġenza li hemm f’Mater Dei.

Sorsi mill-Ministeru kkonfermaw ma’ Net News li din kienet laqgħa taħraq, ikkaratterizzata minn ħafna għajat minn naħa ta’ JoEtienne Abela. Tant li t-tobba kellhom joħorġu mil-laqgħa mingħajr ebda forma ta’ qbil.

Dan wassal sabiex il-MAM se tkun kostretta tħabbar azzjonijiet industrijali għall-professjonisti mediċi fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta.

Net News jinsab infurmat li dawn id-direttivi se jidħlu fis-seħħ nhar l-Erbgħa.

Il-Gvern issa ilu xhur jieħu din l-attitudni mat-tobba, u qed jinjora kull forma ta’ konsultazzjoni ma’ dawn il-professjonisti.