Lokali Saħħa

Robert Abela jgħid li bl-investiment mal-privat il-pazjenti fis-settur tas-saħħa jinsabu “moqdijin”

Il-MAM lejn azzjonijiet industrijali fiċ-Ċentri tas-Saħħa

Il-laqgħa bejn il-MAM u l-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela xejn ma kellha tmiem pjaċevoli.

It-tobba ppreżentaw numru ta’ soluzzjonijiet sabiex tiġi indirizzata l-kriżi li hemm bħalissa fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Iżda s-sorsi mill-Ministeru kkonfermaw ma’ Net News li din kienet laqgħa taħraq, ikkaratterizzata minn ħafna għajat minn naħa ta’ JoEtienne Abela. Tant li t-tobba kellhom joħorġu mil-laqgħa mingħajr ebda forma ta’ qbil.

Dan wassal sabiex il-MAM se tkun kostretta tħabbar azzjonijiet industrijali għall-professjonisti mediċi fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta.

Net News jinsab infurmat li dawn id-direttivi se jidħlu fis-seħħ nhar l-Erbgħa.

Quddiem din il-kriżi fic-Centri tas-Saħħa u l-istat ta’ emerġenza f’Mater Dei, il-ġurnalisti staqsew lill-Prim Ministru kemm kien ikun għaqli kieku investejna €400 miljun fis-saħħa…u mhux fil-frodi tal-Vitals u Steward. B’Abela jiddikjara li m’hemmx rabta bejn dan l-iskandlu u l-iffullar fl-isptar.

Intant… ma’ Net News, il-Prim Ministru pprova jagħti x’jifhem li l-Qorti ma kkundannatx dawn id-deals korrotti tal-isptarijiet. Dan meta hemm żewġ deċiżjonijiet li juru biċ-ċar li kien hemm frodi u kollużjoni, bis-sehem ta’ uffiċjali tal-Gvern.

Abela qal ukoll li bl-investiment li se jsir issa, il-pazjenti jinsabu “moqdijin”.