Eks Direttur ta’ kumpanija li llum għandu 66 sena, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstab ħati li ħallas dejn bi flus li fdatlu koppja biex jinvestihom f’ishma. Dan huwa każ li seħħ aktar minn 18-il sena ilu.
Raymond Galea kien mixli li f’Awwissu 2006, bħala Direttur tal-kumpanija Island Promotions Limited, iffroda lill-koppja s-somma ta’ €65,921 u li żamm għalih l-istess somma meta kienet fdata lilu b’obbligu. Mill-provi li tressqu rriżulta li kien fl-2011 li l-koppja għamlet rapport lill-Pulizija.
Il-koppja qalu li huma għaddew lil Grech flus biex bihom jixtri ishma ħalli mbagħad jiġu mibjugħin lil ħwienet. Meta għadda ż-żmien kellmu lill-accountant tal-akkużat, li qalilhom li l-flejjes kienu ntużaw mill-istess akkużat biex jixtri ishma oħra u sostnew li għalkemm talbuh lura l-flus, baqa’ ma rritornax is-somma li tawh.
Fil-Qorti l-akkużat ċaħad li uża l-flus tal-koppja għalih innifsu u saħaq li użahom biex jixtri prodotti minn barra. Sostna li l-vittmi ma żammewx mal-kundizzjoni tal-kuntratt għax ħarġu inqas milli miftiehem u tefgħuh f’aktar dejn.
Xehed ukoll li kellu impjegat li uża flejjes tal-kumpanija biex jagħmel festa u dan kompla tefgħu lura fin-negozju. Il-koppja wkoll tat il-verżjoni tagħha fejn spjegat kif tat il-flus lill-akkużat biex jinvestihom imma baqa’ ma wettaqx dak miftiehem.
Wara li semgħet ix-xhieda miġjuba quddiemha, il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li l-accountant tal-akkużat ma kienx kredibbli fix-xhieda tiegħu u kien evażiv għall-aħħar meta mistoqsi kemm-il darba rigward prova ta’ xiri ta’ prodotti minn kumpaniji barranin.
Qalet li mill-provi rriżulta li l-vittmi ma ġewx ingannati mill-akkużat biex jinvestu fil-kumpanija tiegħu u li Grech ma kellux l-intensjoni li jiffrodaha. Madankollu, daħal f’diversi djun, fosthom ma’ sid il-kera minn fejn jopera, u dan il-fatt għamlu aktar faċli li juża dawk il-flejjes band’oħra u spiċċa ħallas djun ma’ terzi bil-flus li għaddietlu l-koppja.
Kien għalhekk li ma sabitux ħati ta’ frodi imma ħati ta’ miżapproprjazzjoni ta’ flus. Il-Maġistrat qalet li piena ta’ ħabs mhux l-ideali biex isseħħ ġustizzja speċjalment mal-vittmi. Għaldaqstant il-Qorti kkundannat lil Galea sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u ordnatlu biex iħallas lura lill-koppja l-flus li tatu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mis-Supretendent Maurice Curmi.
//= $special ?>