Kultura Lokali

Taħdita minn Wirt Għawdex

Simon Salafia

Wirt Għawdex se torganizza l-ewwel taħdita fis-serje ta’ taħditiet għall-2025 nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar fis-6.30pm fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, Għajnsielem. It-taħdita, li se tingħata bl-Ingliż, se tiffoka fuq it-toponimija Għawdxija, bl-isem “Catalan Personal Names in Gozitan Toponymy”.

L-istudju tal-ismijiet tal-postijiet huwa suġġett affaxxinanti ħafna peress li wieħed jista’ jiskopri kemm kliem deskrittiv antik fil-lingwa tagħna kif ukoll ismijiet personali. Mill-pubblikazzjonijiet tiegħu dwar it-toponimi Għawdxin, Simon Salafia jista’ jidentifika xi ismijiet li aktarx għandhom influwenza Katalana. Kif seħħ dan? U liema kunjomijiet ta’ oriġini Katalana huma l-aktar evidenti fil-pajsaġġ toponomiku Għawdxi?

Simon Salafia studja fl-Università ta’ Malta u ggradwa fl-Inġinerija Elettrika, u fl-2020, ippubblika l-ewwel volum ta’ The Place-Names of Gozo. Dan kien segwit mit-tieni volum fl-2022. Bħalissa qed jiffoka r-riċerka tiegħu fuq tliet oqsma differenti: il-ġbir ta’ ismijiet ta’ postijiet f’Malta u Għawdex; il-ġbir ta’ ismijiet storiċi Maltin, bl-intenzjoni li jippubblika Dizzjunarju tal-Ismijiet Maltin; u l-investigazzjoni tal-possibbiltà ta’ kliem ta’ oriġini Katalana fil-Lingwa Maltija.

Wara t-taħdita se jkun hemm ħin għal mistoqsijiet mill-udjenza u diskussjoni.

Wirt Għawdex hija organizzazzjoni volontarja mhux governattiva mwaqqfa fl-1981 bl-għanijiet li jitrawwem l-għarfien tal-wirt tagħna fost il-livelli kollha tas-soċjetà, u taħdem sabiex tissalvagwardja l-patrimonju naturali, arkeoloġiku, storiku u antropoloġiku tal-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna.

Din hija l-ewwel minn serje ta’ taħditiet li se jsiru kull xahar li jvarjaw fit-tematika tagħhom, minn letteratura għall-astronomija, u mid-dokumenti antiki għall-wirt ta’ taħt il-baħar.

Il-pubbliku ġenerali mistieden jattendi.