Internazzjonali

Il-Kabinett Iżraeljan japprova l-waqfien mill-ġlied f’Gaza

Huwa mument ta’ stennija fil-Lvant Nofsani hekk kif il-Ħadd, mis-7:30am, jiskatta l-ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaza wara xhur twal ta’ bumbardamenti u vittmi fuq iż-żewġ naħat.

Tard il-Ġimgħa filgħaxija, il-Kabinett tal-Ministri Iżraeljan ta l-approvazzjoni finali tiegħu. U ftit wara, il-medjaturi fil-Qatar ikkonfermaw li ġie ssiġillat dan il-ftehim.

Il-ftehim huwa maqsum fi tliet fażijiet, u jinkludi fost l-oħrajn il-ħelsien ta’ ostaġġi Iżralejani bi skambju għal diversi Palestinjani li kienu qed jinżammu arrestati.

Iżrael ippermetta lill-pulizija tal-Hamas biex jimmoderaw il-moviment ta’ refuġjati madwar Gaza, sakemm jevitaw kuntatt mal-forzi armati t’Iżrael, li se jibqgħu mal-fruntiera ta’ Gaza għas-sigurtà.

Intant, minkejja dan il-qbil, xorta hemm sens qawwi ta’ anzjetà fejn wieħed għadu qed jistenna x’se jiġru fil-prattika…u jekk il-ftehim hux se jkun qed jiġi osservat.

Fil-fatt, anke llum l-attakki bejn iż-żewġt naħat komplew, tant li minn mindu ġie mħabbar l-ftehim, aktar attakki ħallew 122 vittmi.

Minħabba hekk il-grupp militarju Palestinjan Al-Quds, li huwa t-tiena l-akbar grupp militarju f’Gaza wara l-Hamas u li wkoll ħa sehem fl-attakki tas-7 ta’ Ottubru wissa kontra aktar attakki Iżreali sakemm jibda l-waqfien mill-ġlied.

Rapporti qed jindikaw li s-Sibt filgħodu stess l-militarju Iżreal kellu jinterċetta missilja mill-Yemen, waħda minn ħafna li l-alleati tal-Iran sparaw lejn Iżrael fl-aħħar sena.