Internazzjonali

Imutu tlieta fit-tieni attakk fatali fuq Kyiv ta’ din is-sena

Serje ta’ attakki oħra fuq il-belt kapitali tal-Ukrajna, Kyiv, li din id-darba ħalliet tlieta mejtin.

Is-Sibt filgħodu, l-awtoritajiet ħarġu twissijiet lir-residenti sabiex isibu xelter mill-missili li kienu qed jistennew. Iżda sakemm it-twissija ħarġet, il-missila laħqet laqtet il-belt.

L-attakk laqat id-distrett ċentrali tal-belt kapitali, Shevchenkivskyi (Xevċenkivskji). L-attakk kien immirat lejn fabbrika militarja, iżda ħalla ukoll ħsarat sostanzjali fuq binjiet u anke karozzi li kien hemm fit-toroq. Żewġ vittmi kienu fil-karozza meta ntlaqtu minn missila u mietu.

Dan huwa t-tieni attakk fuq Kyiv ta’ dan ix-xahar li ħalla l-vittmi, wara li l-ewwel wieħed seħħ fl-Ewwel tas-Sena.

Intant, fil-belt ta’ Zaporizhzhia (Zaporijxja) l-awtoritajiet qed jgħidu li attakk ieħor ħalla sitta feruti, fosthom mara bi ġrieħi gravi.