“Mhux se naċċetta li l-konsumaturi Maltin u s-sajjieda tagħna jitilfu d-dritt u l-għijxien mill-baħar madwarna. Il-Kummissjoni trid tagħmel xogħolha u tiżgura li r-regoli komuni jiġu applikati b’mod ugwali. Jien se nkompli nkun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin dwar dawn il-kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea trid taġixxi b’mod deċiżiv biex tinforza prattiċi ġusti madwar il-Mediterran.”
L-MEP Peter Agius (EPP, MT) esprima t-tħassib u d-diżappunt tiegħu dwar kemm naqas il-qbid tal-Lampuki (Coryphaena hippurus) mis-sajjieda Maltin u Għawdxin matul is-sajf li għadda. Dan għax data provviżorja turi li fl-2024 il-qbid naqas għal 160 tunnellata biss – nofs il-qbid li sar is-sena ta’ qabel. Din ir-realta’ ġdida hija ta’ dannu u qed ttellef l-għijxin tas-sajjieda iżda anke għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin li tant iħobbu jinkludu din il-ħuta fid-dieta tagħhom.
Dan it-tnaqqis drastiku hu kawża tar-regolament Ewropew 2023/2124, li jiddikjara li l-istaġun għas-sajd tal-Lampuki l-Ewropa irid ikun magħluq bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-14 t’Awwissu. Minkejja dan, ir-rapporti kontinwi wrew li s-sena l-oħra, sajjieda minn reġjuni oħra fil-Meditterran, bħat-Tuneżini u l-Isqallin qed ivaraw apparat magħruf bħala Fish Aggregating Devices (FADs) qabel id-data stabbilita biex ifixklu l-imxija tal-Lampuki u joħolqu żvantaġġ ekonomiku għas-sajjieda lokali. Dan qed jagħmluh minkejja li ma jibdewx jistadu qabel il-15 ta’ Awwissu.
Fid-dawl ta’ dan, l-MEP Agius għamel mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropeja u talabha tikkjarifika s-sitwazzjoni waqt li tieħu miżuri iktar b’saħħithom biex tiżgura prattiċi ġusti tas-sajd fil-Mediterran għal kulħadd. B’mod speċifiku, talab lill-Kummissjoni x’moniteraġġ qed isir li s-sajjieda kollha qed jimxu mar-regolamenti ; biex tikkjarifika dwar ċerti regoli tas-sajd ; u dwar x’qed isir biex ikun hemm level playing field bejn is-sajjieda Ewropew u dawk minn pajjiżi terzi li joperaw fil-viċin.
Agius enfasizza l-importanza tal-Lampuki għad-dieta’ u l-ekonomija lokali, u insista li l-politika tas-sajd trid issib bilanċ li jipproteġi kemm l-isforzi ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kif ukoll l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. Agius sostna li se jara li l-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni immedjata biex tappoġġja sajd sostenibbli u tissalvagwardja l-għijxien tal-komunitajiet lokali.
//= $special ?>