Lokali Unjoni Ewropea

ROBERTA METSOLA: Tliet snin tagħmlilna unur fil-Presidenza tal-Parlament Ewropew

Bħal-lum tliet snin, inċidentalment f’għeluq sninha, id-deputat parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola kienet eletta b’ammont rekord ta’ voti għall-kariga prestiġjuża ta’ President tal-Parlament Ewropew

Is-suċċessi tagħha f’dan il-Parlament hu wieħed impressjonanti. Tista’ tgħid li Roberta Metsola kisret ir-rekords kollha tal-Parlament Ewropew. Mhux biss kienet eletta darbtejn konsekuttivi – fl-2022 u fl-2024 – iżda l-appoġġ u l-voti li kisbet qabżu kull aspettattiva u għelbu kull preċedent.

Dan is-suċċess personali ta’ Roberta Metsola għolla isem pajjiżna u isem il-Partit Nazzjonalista kull fejn resqet biex tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea. Kull fejn marret – prattikament fl-UE kollha, u tant pajjiżi oħrajn lil hemm mill-Ewropa – kollha taw rilevanza kbira lill-fatt li din il-politika ‘żagħżugħa’ ġejja mill-iżgħar pajjiż fl-UE… xhieda oħra li fl-Ewropa ma jgħoddx id-daqs ta’ pajjiż, iżda l-kapaċitajiet u t-talenti tal-individwu.

F’dawn it-tliet snin, minn Jannar 2022 ’l hawn, Roberta Metsola għolliet isem pajjiżna u kull fejn resqet għamlitilna ġieħ u unur. Dan kien konfermat mill-għadd tassew kbir ta’ unuri u onorifiċenza li ngħatat.