Wasal il-jum tal-Ħadd, u wara dewmien ta’ kważi tliet siegħat, l-uffiċju tal-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu fl-aħħar ikkonferma li l-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas beda’ madwar l-10:15am.
Dan hekk kif għall-ewwel sagħtejn il-Palestinjani m’għaddewx l-ismijiet tal-Iżraeljani li spiċċaw maħtufa fl-aħħar xhur
Il-pjan kellu jiskatta fis-7:30am. Iżda l-grupp Hamas qalu li kien hemm dewmien biex tiġi formolata din il-lista, minħabba problemi loġistiċi
Madwar id-9:30am iż-żewġt naħat fl-aħħar ħabbru l-ismijiet tal-ewwel ftit ostaġġi li se jiġu liberati. Il-Hamas żvelaw l-ismijiet tal-ewwel tliet nisa Iżraeljani; Doron Steinbrecher, Romi Gonen u Emily Damari, filwaqt li Iżrael żvela ritratt tal-ewwel 33 ostaġġi Iżraeljani li huma mistennin biex jiġu liberati mill-Hamas.
Fl-aħħar, l-uffiċju ta’ Netanyahu kkonferma li l-waqfien mill-ġlied se jibda’ fl-10:15am.
Bil-bidu tal-waqfien mill-ġlied, rapporti mill-Qatar – medjatur ewlieni tal-ftehim jindikaw li l-ħelsien tal-ewwel tliet ostaġġi huwa mistenni biex isir aktar tard illum, u Netanyahu qal li erba’ ostaġġi oħra għandhom ċans kbir biex jiġu liberati l-ġimgħa d-dieħla.
Minbarra hekk, eluf ta’ Palestinjani li kellhom bżonn jaħarbu minn djarhom fl-aħħar bdew jirratornaw, hekk kif eluf ta’ trakkijiet tan-Nazzjonijiet Uniti bdew jipprovdu lir-refjuġjati b’ ħafna affarjiet bżonnjużi bħall-ikel.
Iżda traġikament, waqt it-tliet siegħat fejn suppost kien daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied inqatlu mill-inqas 19-il persuna minħabba li komplew l-attakki bl-ajru mill-qawwiet Iżraeljani.
Intant, Partit Iżraeljan fuq il-lemin estremist ħabbar li se jitlaq mill-koalizzjoni ta’ Netanyahu minħabba l-waqfien mill-ġlied. Bil-Ministru tas-Sigurtà Itamar Ben-Gvir jirreżenja wkoll, fejn qal li l-ftehim iservi bħala rebħa totali għat-terroriżmu.
//= $special ?>