Lokali

“Diżastru – tobba imxebba’ bil-kriżi fl-Isptar Mater Dei

“Diżastru”. Din hija l-frażi li qed jużaw it-tobba fid-Dipartiment tal-Emerġenza, hekk kif Mater Dei jinsab fi kriżi.

Fil-fatt, it-tobba li tkellmu mat-Times of Malta, irreferew għall-iffullar fis-swali, in-nuqqas ta’ staff, nuqqas ta’ ħin ta’ mistrieħ, u sistema li hija kompletament imfarrka. B’tabib saħanistra jispjega li fi 12-il siegħa, wieħed lanqas ikollu ċans imur jaqdi l-bżonnijiet tiegħu.

Fl-aħħar jiem kompliet tiggrava s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei, bil-Ministru JoEtienne Abela, jilħaq ftehim mal-istparijiet privati f’pajjiżna sabiex jieħdu numru ta’ każijiet mill-emerġenza u b’hekk itaffu mill-piż fuq Mater Dei.

Iżda jiem wara sar magħruf li dan il-pjan kien wieħed li kkaġuna aktar problemi… dan minħabba n-nuqqas ta’ protocol.

Kirurgu li tkellem mat-Times faħħar il-pjan tal-Gvern li jsir ftehim mas-settur privat, iżda kkritika n-nuqqas ta’ trasparenza u l-għaġla tal-Gvern sabiex jimplimenta dan il-pjan. Dan kollu minħabba n-nuqqas ta’ protocol li wieħed għandu josserva meta jasal biex jiddeċiedi liema pazjent se jinżamm Mater Dei u liema se jkun qed jintbagħat fl-isptarijiet privati.

Bil-Kirurgu jispjega li l-inkwiet prinċipali tat-tobba huwa dwar min se jkun responsabbli għal dawn il-pazjenti.

Jirriżulta li sa issa, mhux ċar kif is-sistema se tkun qed taħdem u min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà tal-pazjent ġaladarba jkun qed jitmexxa minn sptar għall-ieħor, hekk kif skont it-tobba, huwa inaċċetabbli li tabib fl-Isptar Mater Dei jerfa’ responsabbiltà għal pazjent li jkun tmexxa fi sptar privat.

B’reazzjoni għal dan kollu, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija ordnat numru ta’ direttivi lill-membri tagħha – b’waħda mid-direttivi tkun dik li ma jintbagħtux pazjenti lejn l-isptarijiet privati. Bil-MAM tispjega li d-direttivi se jkunu qed jiżdiedu minn nhar l-Erbgħa.

Intant, anke l-gazzetta, Il-Mument irrappurtat dwar id-diffikultjajiet tal-Isptar Mater Dei. B’sorsi ta’ din il-gazzetta jistqarru li aktar ma jmur is-sitwazzjoni qed tiggrava; b’nuqqas ta’ spazju, popolazzjoni anzjana u anke l-isplużjoni fil-popolazzjoni li qed tħalli effett kbir… kollu frott id-deċiżjonijiet tal-Labour.

Bil-gazzetta tispjega li jekk il-Gvern se jibqa’ jinjora l-għajnuna li qed tkun offruta lil dan is-settur mill-Oppożizzjoni, is-settur se jibqa’ jikkrolla.