F’temp mill-isbaħ għal dawn il-jiem kesħin, kienu bosta li nġabru fil-qalba ta’ Ħal Lija għal edizzjoni oħra ta’ Festa Ċitru.
Zeppoli, qubbajt, kannoli u anke xtieli… kollha taċ-ċitru.
Huma dawn ftit mill-affarijiet li l-familji setgħu jsibu fiċ-ċentru ta’ Ħal Lija matul il-jum tal-Ħadd. Bl-ikel preparat fil-pjazza jkun kollu magħmul miċ-ċitru maqtugħ mir-residenzi u l-ġonna madwar il-lokalità.

NetNews tkellem mas-Sindku tal-lokalità Anthony Dalli li spjegalna li dan huwa ż-żmien li fih jikber ħafna ċitru… u huwa proprju għalhekk li kull sena għal dawn l-aħħar 19-il sena l-lokalità ċċelebrat Festa Citru… bl-aħħar żewġ edizzjonijiet, inkluż din ta’ din is-sena, issir fil-pjazza tal-lokal.
Hawn wieħed kellu ċ-ċans iduq ħafna ikel bnin magħmul miċ-ċitru li jikber fil-lokalità, bid-donazzjonijiet kollha li jinġabru matul il-ġurnata jmorru għar-restawr tal-parroċċa.
Dan filwaqt li preżenti kien hemm ukoll kok flimkien ma’ mixologist li laqtu l-palat u l-interess tad-diversi persuni li qattgħu l-Ħadd filgħodu b’differenza.
Intant, fl-istess attività, f’Ħal Lija, sar ukoll it-tberik tal-annimali. Bl-attività ta’ Festa Ċitru tkun waħda bis-sehem tal-lokalità kollha, ir-residenti, il-Kunsill Lokali u diversi għaqdiet oħra.
