Internazzjonali

Gaza: L-ewwel fażi tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied issir effettiva — b’Iżrael jieħu lura l-ewwel ostaġġi

Il-waqfien mill-ġlied tant mistenni f’Gaza daħal fis-seħħ uffiċjalment wara jiem ta’ tensjoni u azzjonijiet militari ta’ Iżrael li – sa ftit sigħat ilu – kien baqa’ jikkonċentra l-attakki fuq il-bażijiet tal-grupp terroristiku Ħamas.

Fl-aħħar sigħat, intant, żdiedet l-istennija għar-ritorn lura f’Iżrael tal-ostaġġi li kienu ilhom miżmumin mill-Ħamas mindu t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, invadew lil Iżrael fejn immassakraw il-mijiet tan-nies waqt dan l-attakk storiku….Azzjoni li fiha l-Ħamas anki ħatfu ‘il fuq minn 250 ostaġġ li spiċċaw priġunieri fl-artijiet ta’ Gaza. L-attakk kien xpruna offensiva kbira tal-Iżraeljani fuq Gaza fejn tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 47,000 Palestinjan – terroristi u ċivili.

Sadanittant, ftit tal-ħin ilu, Iżrael laqa’ lura l-ewwel ftit ostaġġi li kienu ilhom priġunieri tal-Ħamas għal 15-il xahar. Dawn l-ostaġġi (tlieta) huma kollha nisa Iżraeljani u l-ħelsien tagħhom, qabel, kien mistenni bħala ‘formalità’ …Mifhum li waħda mit-tlieta għandha wkoll dixxendenza Britannika.

Hu minnu wkoll li eluf ta’ Palestinjani li kienu kostretti li jgħixu bħal refuġjati minħabba l-gwerra f’Gaza qed jirritornaw,gradwalment, lejn darhom – bil-parti kbira jsibu biss il-munzelli tat-tifkrik ta’ dak li darba kienu jissejħu residenzi.

Uħud minn dawn il-Palestinjani intervistati, madankollu, qalu li qed iħossuhom aħjar bis-sempliċi fatt li huma jistgħu jirritornaw lejn iz-zoni familjari għalihom, anki jekk għalissa se jkollhom jorqdu fit-tined jew anki fil-beraħ.

Iżda, qabel daħal fis-seħħ il-ftehim, kien hemm ukoll il-minuti tad-dmija minħabba li l-ftehim kien dam aktar milli suppost biex ikun osservat minn Iżrael u l-Ħamas…Dan waqt li l-Iżraeljani komplew bl-attakki fuq Gaza fejn – skont l-aġenzija tal-Ħamas għad-difiża ċivili – inqatlu l-aħħar 20 Palestinjani ‘qabel il-kanuni waqgħu siekta’.

Il-kelliema għall-Ħamas qalu li qed jistennew biex l-Iżraeljani jibgħatulhom il-lista tal-priġunieri Palestinjani – fosthom nisa u rġiel – li huma qed jippjanaw li jeħilsu bħala kundizzjoni għal dan il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied u parti mill-iskambju mal-ostaġġi. Il-Ħamas, fi stqarrija, qal li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq bil-medjazzjoni tal-Istati Uniti u l-Qatar jesiġi biex l-Iżraeljani jeħilsu 30 priġunier Palestinjan mill-ħabs għal kull ostaġġ li jintbagħat lura lejn Iżrael.

Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet, għalissa, huma li, minn ħin għall-ieħor, għandhom jinħelsu l-ewwel grupp ta’ 90 Palestinjan.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, sadanittant, qed jaħdem mal-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar biex l-iskambju tal-priġunieri mal-ostaġġi jitmexxa bl-inqas intoppi. Il-pjan jesiġi wkoll biex il-Palestinjani meħlusa minn Iżrael jintbagħtu għal trattament fil-Gaza Europea Hospital fil-belt ta’ Khan Younis.

Għalkemm il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied qanqal ħafna reazzjonijiet ferrieħa, l-analisti tal-iżviluppi fil-Lvant Nofsani kollha jaqblu li wieħed ikun qed jiżbalja jekk jaħseb li l-aħħar żviluppi jfissru l-bidu ta’ paċi konkreta.

Fil-fatt, l-ewwel fażi tl-ftehim għadha karatterizzata bit-tensjoni u meta l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, għamilha ċara li l-ftehim hu biss wieħed ‘temporanju’. Dan ukoll meta l-alleati (politiċi) estremisti tal-lemin ta’ Netanyahu iriduh jattakka mill-ġdid lill-Ħamas ladarba jiskadi l-perjodu tal-ftehim, effettiv għal 42 jum.

Min-naħa tiegħu, il-Ħamas jemmen li rebaħ din il-gwerra – bl-Istati Uniti ssostni li l-grupp terroristiku qed jilqa’ l-eluf ta’ ġellieda voluntiera ġodda biex jagħmel għas-17,000 terrorista maqtula mill-Iżraeljani fl-aħħar 15-il xahar. U waqt li Benjamin Netanyahu ilu jimpenja ruħu biex jelimina lill-grupp Ħamas ‘darba għal dejjem’, dan baqa’ ma seħħx minkejja s-superjorità indiskutibbli tal-Iżraeljani minn aspett militari.