Lokali Saħħa

“Konfrontazzjoni minflok konsultazzjoni” – It-tobba jgiddbu l-fake news tal-Gvern

“Fuq is-saħħa, il-Gvern waqaf jisma’. L-irkupru mill-katastrofi tal-Vitals mhux sejjer tajjeb. U s-sistema fiċ-Ċentri tas-Saħħa qed tikkollassa.”

Hekk iddikjarat l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, illi fi stqarrija kkundannat bl-aktar mod ċar il-fake news li inxterdet mill-Ministru tas-Saħħa u minn persuni qrib Kastilja – fejn ġie allegat b’mod qarrieq illi t-tobba ordnaw azzjonijiet industrijali għaliex Martin Balzan ma ingħatax promotion.

Fil-fatt, l-azzjonijiet ta’ nhar l-Erbgħa ġew ordnati propju għaliex hemm kwistjonijiet serji li l-Gvern mhux jindirizza. Dawn jinkludu l-ħinijiet ta’ stennija biex pazjent jingħata servizz, in-nuqqas kbir ta’ investiment, is-sitwazzjoni marbuta maċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid li għadu fil-limbu u l-fatt li aktar tobba qed jitilqu.

Il-MAM insistiet li d-deċiżjoni ttieħdet wara xhur twal fejn ġew injorati kompletament. U fakkru kif minn mindu seħħ ir-reshuffle sena ilu, qed isibuha aktar diffiċli biex iwasslu l-vuċi tagħhom – b’referenza ċara għall-attitudni tal-Ministru JoEtienne Abela, li minflok jikkonsulta qed jieħu t-triq tal-konfrontazzjoni.

L-istqarrija tal-MAM kienet iffirmata mill-Vici President Jeffrey Bonnici u mis-Segretarju JP Tabone.