L-aħħar attentat biex il-Gvern immexxi minn Robert Abela jirrestrinġi jew b’xi mod u manjiera jissoffoka d-dritt li ċittadin kwalunkwe li jitlob għal ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali huwa kundannabbli u suspettuża.
Hekk intqal fl-editorjal tal-gazzetta Malta Today fil-ħarġa tal-Ħadd hekk kif ġie rrapportat illi minkejja li l-Gvern irid ibiddel il-mod kif ċittadin ordinarju jitlob għal ftuħ ta’ inkjesta għadu ma ta ebda dettalji dwar kif u xi jrid…minkejja li diġà intavola l-ewwel qari fil-Parlament.
L-editur jinsisti li sal-lum lanqas il-Kamra tal-Avukati għadha ma hi aġġornata bid-dettalji li qed jimbotta ‘l quddiem il-Gvern, ebda konsultazzjoni mal-ġudikatura u wisq inqas ma’ professjonisti oħrajn.
Ġie rrapportat li wieħed jista’ joqgħod biss fuq ir-retorika tal-Prim Ministru u l-akkolti tiegħu. Għaldaqstant il-konklużjoni ovvja hija li Abela jrid jagħmilha bi tqila biex jaqta’ qalb iċ-ċittadin li jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta, dan billi jpoġġi kollox taħt il-kappa tal-kelma “responsabbillizzazzjoni”, minflok il-frażi “nżidu l-ostakli”.
L-editur insista li minħabba li ħadd ma jaf x’qed jipproponi Abela, wieħed jista’ biss jassumi – fosthom li l-Gvern jagħżel li jintroduċi xi tip ta’ ħlas monetarju eżorbitanti, lu i t-talba tkun imnebbħa minn evidenza ċara.
Fl-editorjal intqal li esponenti tal-Gvern saħqu li xorta waħda wieħed jista’ jagħmel talba mal-Pulizija, madanakollu l-editur insista li l-problema qiegħda f’sitwazzjonijiet bħal ma’ seħħ f’tal-Panama Papers, meta l-pulizija naqsu milli jaġixxu tant hu hekk li fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħareġ mix-xhieda li l-korp naqas milli jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-FIAU. Dak iż-żmien il-Pulizija kienu joqgħodu fuq l-ordni tal-Avukat Ġenerali.
L-editur saħaq illi li kieku ma kienx għall-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa bit-talba li għamlu biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali b’rabta mal-kumpaniji fil-Panama u l-kumpanija 17 Black…illum inkunu ferm aktar ‘il bogħod milli titwettaq ġustizzja. U issa, għax l-Avukat Jason Azzopardi verament qed jurta lill-Gvern Laburista, l-editur sostna li Robert Abela irid jifga dan id-dritt taċ-ċittadin.
L-editorjal spjega li huwa ċar li Abela ħa din it-tali deċiżjoni biex jikkuntenta l-ilpup li ħakmuh minn ġewwa, u jrid juri li għandu s-saħħa f’għajnejn il-Laburisti li diġà bdew isejħu biex jaqtgħulu rasu. Robert Abela lest jgħaddi bħal gaffa fuq is-soċjetà biex jikkuntenta lil Muscatjani u l-Laburisti hardcore li tilfu l-fiduċja fih.
Bl-editur jinsisti li filwaqt li Robert Abela qed imexxi partit li għandu l-eks mexxej tiegħu qed iħabbat wiċċu ma akkużi ta’ frodi u eks Deputat Mexxej li allegatament kien f’konfoffa fl-akbar frodi istituzzjonalizzat li qatt ra pajjiżna. Huwa saħaq li Abela qed imexxi partit li diversi esponenti tiegħu kellhom rabta ma’ sid 17 Black Yorgen Fenech, u li tal-inqas żewġ Ministri minn tiegħu ġew iċċensurati mill-Kummissarju għall-Istandards.
Il-Labour ta’ Abela, ssokta l-editur, lest biex jieħu fuqu it-timbru faxxista – ironija enormi meta Robert Abela suppost qed imexxi partit soċjalista li sa ftit tas-snin ilu kien qed joqrob lejn il-liberaliżmu modern.
//= $special ?>