Donald Trump, għada t-Tnejn, ikun inawgurat uffiċjalment bħala l-President tal-Istati Uniti wara r-rebħa kbira elettorali tiegħu fuq ir-rivali Demokratiku, Kamala Harris, waqt l-elezzjoni ta’ Novembru. Sadanittant, l-Amerikani kollha – u l-kumplament tad-dinja – qed jistennew għad-diskors inawgurali tal-President-elett f’Washington…. Diskors li fih Trump mistenni jixħet dawl ġdid fuq il-pjani tiegħu għat-tieni mandat ta’ Presidenza.
Fl-aħħar jiem, qam mhux ftit tal-inkwiet bil-kummenti ta’ Trump dwar il-politika barranija futura tal-Istati Uniti…Politika li fiha ssemma xenarju potenzjali fejn l-Istati Uniti tista’ tieħu l-kontroll ta’ Greenland – jekk hemm bżonn, ‘bil-mezzi kollha possibbli’.
L-Amministrazzjoni ta’ Trump għandha wkoll il-pjani kontroversjali relatati mal-Panama Canal, u bil-President ġdid qed jaħseb ukoll biex il-Kanada ssir parti mill-Istati Uniti.
Dawn huma kollha kunsiderazzjonijiet tat-Tmexxija ġdida f’Washington u meta l-Alleati tal-Istati Uniti jinsabu fuq ix-xwiek għall-possibbiltà li Donald Trump jaqsam mill-kliem għall-fatti matul il-ġimgħat li ġejjin.
Il-President Trump, il-lejla, qed imexxi rally ta’ ċelebrazzjoni bit-tema “Make America Great Again ” bħala parti mill-aħħar tħejjijiet għar-ritorn fil-White House. Mistenni wkoll li hu kellu jagħmel l-ewwel diskors f’Washington mis-6 ta’ Jannar tal-2021 meta s-sostenituri tal-Partit Repubblikan irvellaw f’Captol Hill waqt li rrikorrew għall-mezzi vjolenti (u qattiela) biex il-Kungress ma jikkonfermax ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020 mirbuħa mill-eks President Joe Biden.
Eluf ta’ dimostranti dakinar kienu daħlu bil-forza fil-bini tal-Capitol wara li Trump ħeġġiġhom biex jipprotestaw kontra t-telfa tiegħu u r-riżultat validu tal-elezzjoni. L-iżviluppi wasslu biex ‘il fuq minn 1,500 persuna jispiċċaw akkużati b’konnessjoni mal-attakk – bi Trump jaħlef biex jagħti l-maħfra lil ħafna minn dawn id-dimostranti.
U anki qabel dan ir-rally , Donald Trump kien għadu qed jitkellem dwar l-ilmenti li ilu jsemmi għal snin – fosthom il-kosegwenzi politiċi tat-telfa tiegħu kontra Biden f’elezzjoni li l-President Amerikan ġdid għadu jirreferi għaliha bħala ‘proċess immanipulat’.
Fi tmiem il-ġimgħa wkoll, eluf ta’ dimostranti – fil-parti kbira nisa – ħarġu fit-toroq ta’ Washington biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għat-tmexxija ta’ Trump….Il-People’s March – li qabel kien magħruf bħala l-Women’s March – ilu jsir fil-kapitali Amerikana għal kull sena, mill-2017.
Id-dimostrazzjoni kienet organizzata minn moviment li twaqqaf apposta biex jirreżisti l-istil ta’ politika estremista magħrufa bħala “Trumpism”, Dan meta saru wkoll il-protesti kontra Trump fuq skala iżgħar fl-ibliet ta’ New York u Seattle…Dimostrazzjonijiet li seħħew ukoll bi tweġiba għall-avvenimenti li qed iwasslu għaċ-ċerimonja ta’ ġurament għal Donald Trump relatata mas-47 terminu ta’ Presidenza.
//= $special ?>