“Din il-binja hija miraklu, bżonn li kellha Malta”.
Kienet din id-dikjarazzjoni li għamlet iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernardette Bonnici Kind, fil-ftuħ tal-kumpless St Michael Hospice, f’Santa Venera.
B’Bonnici Kind tispjega li din il-binja hija neċessità u mhux lussu. Fejn spjegat ukoll li Hospice Malta qed tkompli tkabbar is-servizzi fil-komunità u anke fil-kumpless tagħha – billi tkun ta’ spalla għal kulħadd.

Preżenti għall-ftuħ ta’ dan il-kumpless kienu l-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna fosthom anke l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li fid-diskors li wasslet stqarret li dan il-post huwa turija ċara tal-ġenerożità tal-poplu, tal-valuri vibranti li nħaddnu bħala pajjiż magħqud.
Il-President spjegat li fejn ma hemmx fejqan, huwa biss is-sostenn, it-tama, l-imħabba u d-dinjità li tipprovdi l-Hospice sabiex il-familja u l-persuna fil-bżonn jonqsilhom il-piż minn spallithom.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva din il-binja bħala l-għatba għall-ġenna, il-post li wieħed jagħraf kemm hi prezzjuża l-ħajja li ngħixu.

Il-binja tal-Istitut Adelaide Cini, ingħatat lil Hospice Malta mill-Knisja lura fl-2018. U b’14-il miljun investiment, issa saret binja li toffri kura paljattiva lil 1,500 pazjent fis-sena, u għandha numru ta’ faċilitajiet fosthom gym u hairdresser.
B’hekk il-Hospice Malta se tkun tista’ tkompli x-xogħol tagħha billi tkun ta’ tama, imħabba u wens lil dawk kollha li l-aktar ikollhom bżonn fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono; l-Arċisqof Charles Scicluna; il-Kap tal-Partit Nazzonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu AnneMarie Grech; flimkien max-Shadow Ministers Adrian Delia u Ian Vassallo.
