Futbol Sport

Rebħa kbira għal Man City, ikomplu l-problemi għal Man Utd u Tottenham

(Ritratt: EPA)

Manchester City kisbu rebħa kbira u konvinċenti ta’ 6-0 kontra Ipswich Town. Phil Foden fetaħ il-vantaġġ wara 27 minuta, b’Mateo Kovacic jagħmilhom 2-0 fit-30 minuta. Foden reġa’ skorja għal darb’oħra qabel il-mistrieħ. City komplu d-dominju tagħhom fit-tieni taqsima, b’gowls minn Jeremy Doku, Erlin Haaland u James McAtee.

Ikomplu l-problemi għal Manchester United meta f’Old Trafford kienu megħluba minn Brighton 3-1. Yankuba Minteh fetaħ l-iskor għal Brighton wara biss ħames minuti. Manchester United ġabu l-iskor indaqs fit-23 minuta permezz ta’ penalty ta’ Bruno Fernandes. Mas-siegħa logħob, Brighton fil-vantaġġ permezz ta’ Kaoru Mitom b’ Georginio Rutter jagħmilhom 3-1 fis-76 minuta.

Il-problemi jkomplu wkoll għal Tottenham meta kienu megħluba 3-2 minn Everton. It-Toffees fetħu vantaġġ doppju b’gowls ta’ Dominic Calvert-Lewin fit-13-il minuta u Iliman Ndiaye fit-30 minuta. Awto-gowl ta’ Archie Gray qabel il-mistrieħ għamilhom 3-0. Tottenham wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima u skorjaw darbtejn fl-aħħar 13-il minuta permezz ta’ Dejan Kulusevski u Richarlison.

Nottingham Forest laħqu lil Arsenal fit-tieni post tal-klassifika meta għelbu lil Southampton 3-2. Elliot Anderson poġġa lil Forest fil-vantaġġ fil-11-il minuta. Callum Hudson-Odoi għamilhom 2-0 fti-28 minuta qabel ma Chris Wood għamilhom 3-0. Żewġ gowls fit-tieni taqsima minn Jan Bednarek u Paul Onuachu ma kienux biżejjed biex isalvaw punt għas-Saints.