Għax jaf li qiegħed dahru mal-ħajt Robert Abela jrid iċekken il-lasti.
Bħal meta t-tfal ikunu fil-grawnd u jindunaw li se jitilfu u jippruvaw iċekknu l-lasti, hekk Robert Abela biex jipprova jsalva ġildu jrid iċekken il-lasti.
Din hi l-akbar ammissjoni ta’ Robert Abela li qed imexxi Gvern maħmuġ.
Għax min m’għandux minn xiex jinkwieta, m’għandux għalfejn iċaqlaq lasti.
Waqt intervista fuq NET TV u NET FM il-Ħadd filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Benard Grech tkellem dwar numru ta’ kriżijiet li għandna f’pajjiżna fosthom fil-governanza fejn irrefera għall-mod mgħaġġel kif Robert Abela ressaq liġi fil-Parlament fi żmien ġimgħa.
Bernard Grech qal li filwaqt li Abela u l-Gvern tiegħu ħallew liġijiet kruċjali għall-poplu Malti fuq l-ixkaffa għal xhur u snin twal, f’erbat ijiem fassal liġi biex jipprova jsalva ġildu u ġild dawk ta’ madwaru, u ppreżentaha fil-Parlament.
Wara li għal snin twal Abela u sħabu pprovaw jikkonvinċu lin-nies li l-iskandli li kienu qed jinkixfu kienu xi qlajja’, issa li sħabu qed jitressqu l-Qorti wieħed wieħed, qed jagħmel minn kollox biex isalva lilu nnifsu u lil dawk qribu.
Iżda din mhix għajr aktar xhieda ta’ Gvern li telaq lill-pajjiż għal riħu u moħħu biss fih innifsu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-kriżi fl-edukazzjoni u kif dan il-Gvern qed jirrepeti dak li għamlu Gvernijiet Laburisti qablu u qed jarmi l-edukazzjoni. Dan fid-dawl tas-sitwazzjoni li għadha qed tippersisti fl-MCAST, fejn għalliema u letturi ilhom aktar minn tliet snin jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.
Dan mhux biss qed iwassal biex dawn l-għalliema ma jistgħux jagħmlu xogħolhom, talli hemm studenti li qed ikollhom jitilfu sena studju biex jirrepetu sena skolastika minħabba t-taħwid u d-diżinteress tal-Gvern.
Is-sitwazzjoni tal-pajjiż u tal-poplazzjoni wkoll hi sintomu ta’ kif dan il-Gvern telaq idejh minn fuq it-tmun. Għal snin twal, u minkejja l-ħafna twissijiet tal-Partit Nazzjonalista, Robert Abela baqa’ għaddej bl-influss bla kontroll ta’ ħaddiema barranin.
Issa, għax qed jinduna li l-poplu huwa frustrat, u li qed ikunu l-Maltin li qed ibatu l-infrastrtuttura li qed tikkrolla, issa Robert Abela qed jipproponi Labour Market Policy li lanqas hu stess mhu jemmen fiha.
Wara li gab l-infrastruttura ta’ dan il-pajjiż – it-toroq, l-elettriku, l-ilma, id-dranaġġ u s-servizzi bħal dak tas-saħħa – għarkopptejha, issa stenbaħ u jrid jipprova jagħmel xi ħaġa.
Il-poplu f’dan kollu qed iħallas għall-irresponsabbiltà ta’ Robert Abela li baqa’ jinjora dak li ilu jgħidlu l-Partit Nazzjonalista.
Il-poplu qed ibati wkoll f’qasam ieħor kruċjali – dak tas-saħħa.
Illum qed naraw qasam tas-saħħa li qed jogħtor taħt il-pressjoni taż-żieda fin-numri.
Għax Gvern Laburista mhux biss ma ppjanax għal dawn iż-żidiet, imma talli tul is-snin kien biss moħħu kif se jimla bwietu u ta’ dawk il-barranin li serqulna €400,000,000, illum il-ħaddiema tas-saħħa qed jipprovaw iżommu fuq saqajh sptar li qed jirriskja li jikkrolla minn mument għall-ieħor.
Tabib li kien jara għaxar pazjenti, illum irid jara 20. Mhux ta’ b’xejn mhux ilaħħqu u l-pazjenti jkollhom jistennew sigħat twal.
Dan kollu, qal Bernard Grech, juri biċ-ċar li dan il-pajjiż m’għandux bżonn ftit tranġar ‘l hawn u ftit tranġar ‘l hemm.
Hemm bżonn bidla totali.
Għandna Gvern li għejja lill-poplu. Gvern li moħħu biss fih innifsu u f’xejn aktar. Għandna Gvern li jitlaq jiġri biex ifassal liġi biex jgħatti dnubietu u jiġi jaqa’ u jqum mill-kumplament tal-poplu.
Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jara li l-ħaddiema tas-saħħa jaħdmu b’dinjità, li l-pazjent jinqeda mill-aħjar li jista’, li l-għalliema jieħdu dak li ħaqqhom u li l-istudenti jkunu jistgħu jiffukaw fuq l-istudji tagħhom mingħajr xkiel. Jara li l-infrastruttura tkun waħda ta’ kwalità biex kull wieħed u waħda minna jkollu serħan il-moħħ u ħajja aħjar. Għax Gvern ġdid Nazzjonalista mhux se jkollu patti mxajtna, imma se jkun iffukat fuq dan il-pajjiż u l-poplu tiegħu.
//= $special ?>