L-awtur u poeta rinomat Malti l-Professur Immanuel Mifsud se jmexxi l-ewwel Culture Café ta’ NWAMI International Malta tal-2025. Bit-tema “Voices of Remembrance: A Tribute to Resilience and Culture”, dan il-Culture Cafe se jsir fir-ristorant Ta’ Detta, fil- Valletta Waterfront, nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar u jibda fl-10.30am.
Waqt l-attività, Prof Mifsud se jimmira li jrawwem riflessjoni u diskussjoni akbar billi jirreċita poeżiji mill-antoloġija emblematika Auschwitz Poems. Se jirreċita wkoll poeżiji dwar ir-reżistenza tal-partiġjani għan-Nazi fl-Ewropa Ċentrali u l-qerda tal-Gwerer Jugoslavi, billi jiġbed mill-volum bilingwi tiegħu KM. Barra minn hekk, se jesplora wkoll il-kunflitt bejn il-Palestina u l-Iżrael, u joffri riflessjonijiet dwar il-gwerra u l-impatt tagħha fuq l-umanità. Il-Prof Mifsud se jippreżenta wkoll poeżija ta’ tama kkummissjonata mill-Commonwealth Education Trust li nqrat għall-ewwel darba f’Westminster Abbey fl-2017.
Maria Gabriele Doublesin, President ta’ NWAMI International Malta, spjegat; “Is-serje Culture Café hija fil-qalba tal-missjoni tan-NWAMI li trawwem id-djalogu u l-fehim interkulturali. Dan l-ewwel Culture Café tas-sena l-ġdida mal-Prof. Mifsud, se joffri ġieħ għar-reżiljenza quddiem il-kunflitt u l-avversità. Billi nesploraw temi ta’ tifkira u reżistenza, aħna nimmiraw li nispiraw riflessjoni dwar esperjenzi umani kondiviżi u l-qawwa tat-tama.”
Imwieled fl-1967, il-Professur Mifsud rebaħ il-Premju Nazzjonali ta’ Malta għall-Proża u l-Premju Nazzjonali ta’ Malta għall-Poeżija diversi drabi. Fl-2011 kien ukoll ir-riċevitur tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. B’PhD mill-Università ta’ Malta fejn jagħti lekċers fil-letteratura u t-teatru Malti kontemporanju, il-Prof Mifsud ikompli jippubblika b’mod prolifiku bl-aħħar rumanz tiegħu Filli Ma Tcun Xein, Filli Tithol fl’Esistenza u ktieb ta’ poeżija u arti, Váh, imniedi f’ Ottubru.
Għal aktar informazzjoni u biex tirriserva siġġu mur https://tinyurl.com/NIM-Culture-Cafe. Il-postijiet huma limitati u disponibbli fuq bażi ta’ first come, first served.
//= $special ?>