Internazzjonali

Is-47 President tal-Istati Uniti: Era ġdida fejn is-sigurtà tal-Amerikani tiġi l-ewwel

Il-President ġdid tal-Istati Uniti, Donald Trump qal li pajjiżu dieħel ‘f’era tad-deheb’ u meta se jgawdi mill-ġdid ir-rispett tad-dinja bħala potenza ewlenija – potenza li tibbaża fuq il-politika ta’ ‘America First’ u li se tagħti prijorità fuq kollox lid-demokrazija, il-prosperità u l-ħelsien – fost it-tisħiħ tas-sigurtà nazzjonali. Trump, fl-istess ħin, ħabbar l-20 ta’ Jannar bħala Jum il-Liberazzjoni u qal li l-Gvern tiegħu se jaħdem u jistinka biex jikkonfronta kull kriżi ‘bid-dinjità u s-saħħa neċessarja’.

Sadanittant, hu għamilha ċara li l-awtoritajiet Amerikani qed jaħsbu diġà fl-‘invażjoni diżastruża’ tal-barranin kriminali fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, qed qed tidħol fis-seħħ diġà il-kampanja koordinata għad-diportazzjoni tal-immigranti li infiltraw is-soċjetà Amerikana ‘bl-influwenzi l-ħżiena’ u li ‘mgħandhomx id-dritt li jibqgħu fl-Istati Uniti.’

Dan wara li Trump, minuti ilu, kien ħa l-ġurament bħala s-47 President Amerikan waqt ċerimonja fir-‘rotunda’ tal-US Capitol f’Washington u fejn hu wiegħed biex jipproteġi u jiddefendi lill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżu. Ċerimonja li għaliha attendew l-Eks Presidenti Amerikani, il-biljunarji fil-qasam tat-teknoloġija (fosthom Elon Musk, il-proprjetarju ta’ X) u l-uffiċjali nominati għall-Kabinett ġdid tal-Istati Uniti.

Fuq barra, fil-Capitol Arena, kien hemm folol kbar ta’ partitarji ta’ Trump li riedu jkunu qrib kemm jista’ jkun tal-avveniment inawgurali minkejja l-friża u fejn huma kellhom jissapportu t-temperaturi li niżlu sew taħt iz-zero.

Donald Trump ma tilifx żmien biex jitkellem dwar ‘l-establishment’ – jew grupp ta’ elitisti – li, fi kliemu, ikkontrollaw lill-Gvern preċedenti għall-iskaptu tal-poplu. Intant, Trump għamilha ċara li se jadotta politika riġida fil-konfront tal-immigrazzjoni illegali anki fl-aħjar interessi tas-sigurtà.

‘Is-sovranità tagħna se tirritorna u l-ġustizzja se tissaħħaħ għall-ġid ta’ kull Amerikan – b’kull ċittadin jista’ jserraħ rasu minn Gvern leġittimu u kapaċi li se jpatti għan-nuqqasijiet tal-aħħar erba’ snin taħt il-Presidenza preċedenti’, kien kumment sinifikanti ta’ Trump fost l-applaws tan-nies fir-‘rotunda’.

Trump lanqas ma tilef l-opportunità biex jattakka lill-Gvern tal-Eks President Joe Biden dwar kif mexxa l-kriżi tal-immigranti – u fejn tenna li l-pajjiż se jegħleb l-isfidi, filwaqt li jkattar ‘klima ta’ fiduċja aktar milli sitwazzjoni maħluqa mill-eks establishment’, Entità li hu fissirha bħala ‘waħda radikali u korrotta’.

Il-President tenna li l-Eks Amministrazzjoni pprovdiet il-protezzjoni għall-‘kriminali perkolużi li daħlu illegalment fl-Istati Uniti’ waqt li sostna li l-Gvern preċedenti naqas milli jiddefendi l-fruntieri tal-Istati Uniti minkejja l-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu.

Trump insista li l-Istati Uniti se tkun ‘aktar eċċezzjonali minn qatt qabel’ u meta hu ottimist li l-Amerikani qed jidħlu f’era ġdida ta’ suċċessi – bl-Istati Uniti għandha taħtaf l-opportunità biex tinfluwenza mill-ġdid lid-dinja bħala potenza. Għaldaqstant hu insista li għandu l-mandat biex ‘jelimina l-politika ta’ tradiment li affettwat daqstant ħażin lill-Amerikani’.

Meta tkellem dwar is-sistema tas-saħħa fl-Istati Uniti, Trump qal li dan għandu wisq tan-nuqqasijiet minkejja li l-Gvern preċedenti nefaq aktar flus minn kwalunkwe Gvern fid-dinja,

Hu wiegħed ukoll li s-sistema edukattiva minn issa ‘l quddiem se taċċerta li l-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-futur ikunu kburin b’pajjiżhom – ‘kuntrarju għal dak li seħħ fl-aħħar erba’ snin’.

Donald Trump, imbagħad, irrefera għall-attentat fuq ħajtu fejn hu żgiċċa b’miraklu minn tir sparat lejh minn sniper li kien fuq bejt ta’ bini u qal li hu għadda minn ‘aktar esperjenzi minn kwalunkwe President ieħor’. Hu tenna li ma mietx dakinhar għaliex ‘Alla ried li hu jirritorna lill-Istati Uniti għall-pajjiż b’saħħtu li ilu magħruf għalih’.

Il-President ikkonferma li se jiffirma direttiva eżekuttiva li tiddikjara emerġenza nazzjonali mal-fruntiera tal-Istati Uniti mal-Messiku – u fejn se tieqaf mal-ewwel ‘l-infiltrazzjoni ta’ pajjiżu bil-mezzi illegali’. Dan ukoll waqt li l-Gvern qed jibda l-proċess biex jirritorna l-miljuni tal-‘kriminali barranin’ lejn il-postijiet ta’ oriġini. Trump, fl-istess ħin, ikkonferma li l-cartels tal-kriminali (u tad-droga) minn issa se jkunu kalkulati bħala organizzazzjonjiet għat-terroristi barranin fl-Istati Uniti.

Applaws speċjali, waqt id-diskors, kien għall-kumment ‘Drill baby Drill’ minn Trump meta l-pajjjiż qed jindirizza l-kriżi tal-enerġija nazzjonali – u meta l-Gvern tiegħu, issa, hu impenjat biex iżid it-tħaffir għaż-żejt u l-gass fl-artijiet tal-Istati Uniti.

Qabel id-diskors ta’ Trump, JD Vance, l-eks running mate Repubblikan, kien ħa l-ġurament bħala l-Viċi President ġdid tal-Istati Uniti.