Filwaqt li qed iżomm il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-grupp terroristiku Ħamas, l-attenzjoni tad-dinja issa daret fuq is-sitwazzjoni umana katastrofika li żviluppat fil-Medda ta’ Gaza tul 15-il xahar ta’ gwerra.
Iċ-ċirkustanzi għall-eluf tal-familji Palestinjani huma tassew iddisprati meta huma tilfu kollox – inklużi djarhom – waqt il-bumbardamenti tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq il-bażijiet tal-Ħamas fid-diversi bnadi ta’ Gaza.
Sadanittant, l-għajnuna bażika – fil-forma ta’ ikel, mediċina u mezzi għall-kenn tal-familji – ma tistax tasal malajr biżżejjed lin-nies ta’ Gaza. Dan meta l-Iżraeljani, issa, huma impenjati biex iħaffu l-proċessi ta’ fejda għall-Palestinjani f’Gaza li anki llum qed jiffaċċjaw futur mill-aktar inċert u diffiċli.
Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kien konkluż jiem ilu, bil-medjazzjoni tal-Qatar u l-Istati Uniti, u meta l-qawwiet Iżraeljani komplew jattakkaw lill-Ħamas anki sa ftit sigħat wara li l-patt kien sar effettiv matul l-ewwel sigħat tal-Ħadd.
U fil-preżent dejjem aktar eluf ta’ Palestinjani qed jirritornaw lejn djarhom qalb l-inħawi ta’ Gaza li sa ftit ilu kienu fronti tal-battalja bejn il-militar Iżraeljan u t-terroristi. Zoni mimlijin bit-tifrik tad-djar u fejn in-nies qed jippruvaw jidraw il-ħajja mingħajr is-soltu ħsejjes ta’ sparar u splużjonijiet.
Sadanittant, l-osservaturi qed jaqblu li ħadd ma jista’ jobsor x’inhu ġej fil-ġranet li ġejjin. Dan b’mod partikulari peress li Iżrael jirriserva d-dritt biex jattakka mill-ġdid lill-Ħamas f’każ ta’ xi sinjali li t-terroristi mhumiex jirrispettaw il-kriterji tal-patt.
Iżrael, matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, ħeles 90 priġunier Palestinjani bi skambju għall-ostaġġi li qed jinħelsu mill-Ħamas u li kienu ilhom għal dawn ix-xhur miżmuma qalb il-labirint tal-mini f’Gaza.
Ħafna fost il-Palestinjani meħlusa huma nisa u adolexxenti, bir-ritratti tal-eks priġunieri juruhom qed jesprimu l-ferħ huma u jingħaqdu mill-ġdid ma’ qrabathom.
Mistenni wkoll li l-Ħamas, f’dawn il-jiem, ikomplu jeħilsu lill-ostaġġi u wara li tlieta minnhom – ilkoll nisa Iżraeljani – ingħataw il-libertà tard fil-lejl tal-Ħadd. It-tliet nisa jinsabu f’kundizzjoni stabbli minkejja daqstant xhur ta’ priġunerija.
Waħda minn dawn l-ostaġġi – Emily Damari, ta’ nisel Britanniku – fl-ewwel kummenti lill-midja, qalet li ‘qed tħossha li twieldet mill-ġdid’ u li llum hi ‘qed tirringrazzja lil Alla għal din il-possibbiltà li tħares ‘il quddiem wara esperjenza daqshekk kerha.’
//= $special ?>