Kultura Lokali

Għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel il-musical ta’ Broadway ‘Dear Evan Hansen’

Il-musical spettakolari Dear Evan Hansen se jittella’ fuq il-palk tat-Teatru Manoel fi Frar, produzzjoni li żgur tipprovoka l-ħsieb u d-divertiment. Il-produzzjoni Dear Evan Hansen imtellgħa b’ħidma konġunta bejn it-Teatru Manoel u l-FM Theatre Productions, hija musical miktub minn Steven Levenson, rebbieħ ta’ Tony Award, u l-mużika hija ta’ Benj Pasek u Justin Paul, rebbieħa ta’ Grammy, Tony u Academy Awards.

Il-musical idur mal-ħajja ta’ ġuvni adolexxenti, Evan Hansen, li jbati mill-ansjetà soċjali. Fuq parir tat-terapista tiegħu, Hansen, jibda jikteb ittri lilu nnifsu, sabiex ikun jista’ jibni l-kunfidenza tiegħu. Darba fost l-oħrajn, waħda mill-ittri tispiċċa f’idejn sieħeb tal-klassi tiegħu, Connor Murphy, li ftit wara jneħħi ruħu b’idejh. Meta l-ġenituri ta’ Connor jikkuntattjaw lil Evan biex jagħtuh l-ittra, li skonthom kienet ‘indirizzata’ lilu, Evan jisfa f’konfużjoni liema bħala, fiċ-ċentru ta’ gidba li tkompli tinfirex wara li tmur viral fuq il-mezzi soċjali.

F’din il-produzzjoni r-rwol ta’ Evan Hansen se jkun f’idejn Kyle Mangani u Luigi Buhagiar b’mod alternattiv. Kristen Abela u Charlotte Formosa se jkunu qed jalternaw fir-rwol ta’ Zoe Murphy. Għadd ta’ talent lokali jingħaqad ma’ dawn fuq il-palk tat-Teatru Manoel, fosthom Dorothy Bezzina, Nadine Farrugia, Raphael Pace, Thomas Camilleri, Jamie Cardona u Carla Fenech.

Dear Evan Hansen se tittella’ taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland, u Kris Spiteri bħala l-Musical Director tal-ispettaklu, id-disinn tas-sett se jkun f’idejn Matthew Cassar u l-vidjografija ta’ Dylan Odom.

Ir-rappreżentazzjonijiet se jittellgħu mis-7 sad-9 ta’ Frar u mit-13 sas-16 ta’ Frar fis-7:30pm, flimkien ma’ matinée l-Ħadd 16 ta’ Frar fit-3pm. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn  https://teatrumanoel.mt/event/dear-evan-hansen/ jew billi tikkuntattja lil Box Office tat-Teatru Manoel fuq (+356) 21246389.