Lokali

“Ieqaf b’dan l-assalt fuq is-soċjetà ċivili” – Repubblika

L-għaqda Repubblika fakkret lill-Prim Ministru Robert Abela li soċjetà ċivili ħielsa u b’sehem qawwi u kritiku fil-ħajja tal-pajjiż hi element essenzjali tad-demokrazija. Hu għalhekk li l-Prim Ministru għandu jieqaf bl-assalt li għaddej bih fuq is-soċjetà ċivili.

Fi stqarrija, Repubblika kkundannat ir-rimarki ta’ Robert Abela li ddeskriva lil The Shift News bħala “forza tad-dlam”, “blog ta’ aħbarijiet foloz” fejn “90% ta’ dak li jgħidu hu fake news”. Dawn l-akkużi m’għandhom ebda bażi fir-realtà. Din hi gidba intenzjonata li tiskredita ‘l-ġurnaliżmu ħieles, partikolarment ġurnaliżmu ffukkat fuq il-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika. Meta din il-gidba tiġi minn prim ministru, dan id-diskors mhux sempliċi malafama. Dan hu att ta’ oppressjoni, ta’ theddid, u ta’ ċensura.

L-għaqqda Repubblia kkundannat ir-rimarki ta’ Robert Abela li sejjaħ talbiet minn ċittadini privati għal inkjesti maġisterjali bħala “abbuż” u “inkwiżizzjoni”. Il-Prim Ministru qed jgħid li m’hemmx salvagwardji għall-persuni akkużati f’talbiet għal inkjesti maġisterjali, li hi stqarrijja mingħajr ebda bażi fir-realtà. Mhux talli hemm ħafna salvagwardji, talli għandna salvagwardji li huma ferm lil hinn minn dak meqjus normali f’pajjiżi fejn isaltan id-dritt.

Diġà fil-liġi li għandna hemm il-prinċipju ftit assurd li persuna indikata li wettqet reat għandha d-dritt toġġezzjona li tiġi investigata. Fakkret li ebda inkjesta maġisterjali ma tista’ ssib lil xi ħadd ħati ta’ xi reat. Tista’ biss tiġbor provi li jistgħu jintużaw fil-prosekuzzjoni ta’ xi ħadd fejn imbagħad hemm is-salvagwardji kollha normali li jgħoddu anke meta l-prosekuzzjoni tinbeda mill-Pulizija jew mill-prosekutur. Fakkret ukoll li kull ċittadin jista’ jitlob li ssir inkjesta, imma hu biss maġistrat li jista’ jiddeċiedi li ssir inkjesta u dan biss jekk ir-rekwiżiti kollha tal-liġi huma sodisfatti. Robert Abela qed jigdeb biex jiskredita l-proċess normali tal-ġustizzja.

⁠Il-Prim Ministru Robert Abela qed ifittex li jiskredita inkjesti maġisterjali sempliċiment għax jinbdew fuq il-bażi ta’ provi ppubblikati minn ġurnalisti. L-istorja riċenti ta’ pajjiżna turi li ġurnalisti ppubblikaw provi ta’ korruzzjoni meta għal snin l-istituzzjonijiet responsabbli tal-pajjiż irrifjutaw li jinvestigaw dawk il-provi.

Mingħajr l-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti ma kienx ikollna l-inkjesta u wara l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni fl-isptarijiet. Mingħajr l-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti, il-provi ta’ korruzzjoni li ħarġu mill-Panama Papers kienu jibqgħu midfuna. L-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti weħidhom mhumiex biżżejjed biex jikkundannaw lil xi ħadd. Imma fejn huma biżżejjed biex jiġġustifikaw investigazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-istat, l-istat għandu jinvestigahom.

Repubblika kkundannat ukoll is-segretezza li biha l-gvern qed jimxi biex jibdel il-liġi dwar l-inkjesti maġisterjali. Kif fakkret kemm-il darba l-Kummissjoni Ewropea fir-rapport annwali dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-għamla tal-liġijiet hi meħtieġa f’demokrazija. Il-gvern għandu jippubblika f’White Paper it-tibdil li jrid jagħmel qabel imur il-Parlament u jisma’ fi djalogu miftuħ il-fehmiet tal-pubbliku speċjalment għax il-gvern qed jipproponi li jdgħajjef dritt li għandhom illum iċ-ċittadini onesti.