Lokali

Ikomplu l-attakki fil-konfront tal-Inkjesti Maġisterjali

Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun qed jagħmel restrizzjonijiet fuq l-Inkjesti Maġisterjali, l-esponenti tal-Partit Laburista ssuktaw b’attakki partiġjani.

Il-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon Laburista, la l-Ministru Owen Bonnici u wisq anqas il-Membru Parlamentari Katya De Giovanni ma spjegaw x’se jkunu eżatt it-tibdiliet b’rabta mal-Inkjesti Maġisterjali; għajr li se jkun qed jiżdied l-iskrutinju fuq dawk li jitolbu Inkjesta – mossa li qed tkun meqjusa bħala waħda perikoluża minn edituri, professjonisti legali u anke diversi opinjonisti.

Fil-fatt, waqt id-diskussjoni Katya De Giovanni spiċċat tallega li dawk li jitolbu għal Inkjesta Maġisterjali m’għandhom xejn x’joffru lill-pajjiż u li jridu jkissru nies innoċenti. Allegazzjoni kompletament żbaljata – għaliex fil-verità, grazzi għal numru ta’ Inkjesti ġie żvelat li kien hemm abbuż mill-Gvern tant li anke tressaq l-Eks Prim Mnistru Joseph Muscat fuq l-akbar frodi f’pajjiżna.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici saħaq li din ir-riforma hemm bżonnha.

Dan apparti li l-avukat preżenti waqt din id-diskussjoni Ezekiel Psaila, qal li din ir-riforma għadha biss il-bidu; indikazzjoni li Gvern Laburista se jkompli jillimita lil dawk il-persuni li jitolbu Inkjesta.

Intant, s’issa l-poplu għadu ma ngħata l-ebda spjegazzjoni dwar din ir-riforma għajr li ġie ppreżentat it-titlu fil-Parlament fi stadju tal-Ewwel Qari, b’Robert Abela u dawk ta’ madwaru jew ma jafux eżatt x’inhuma l-bidliet jew qed jinsistu li jkomplu jaħbu din l-informazzjoni.