Erba’ xhur ilu, il-Ministru għas-Saħħa qalilna li kulma kien jonqos biex jibda jaħdem il-Hub ta’ Raħal Ġdid kienet iċ-ċertifikazzjoni.
Għaddew erba’ xhur, għandna s-sistema tas-saħħa f’xifer ta’ kollass, u issa mhux talli l-Paola Hub għadu magħluq, imma talli l-Gvern awtorizza n-nefqa ta’ €1,700,000 oħra biex jitkomplew ix-xogħlijiet fuqu, f’kuntratti li l-maġġoranza tagħhom ingħataw b’direct orders. Dan kollu fuq sptar li suppost fetaħ fl-2022.
Fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għas-Saħħa, Adrian Delia f’isem il-Partit Nazzjonalista nqal kif il-Ministru għas-Saħħa jmissu jieqaf jipprova jidħaq bin-nies u jagħmel dak li għandu d-dmir jagħmel: jagħti lill-poplu s-servizz tas-saħħa li jixraqlu.
Ma kienx biżżejjed li l-Gvern Laburista rema €400 miljun biex jistagħnew il-kriminali. Minbarra li għandna Gvern li ffroda lill-poplu, għandna Gvern li ma jafx minn fejn se jibda biex isewwi l-ħsara li ġab hu stess fuq il-pajjiż f’dan il-qasam kruċjali.
Għad għandna żewġ sptarijiet – St Lukes u Karen Grech – li għadhom mitluqin, u l-isptar ġdid imwiegħed lill-Għawdxin għadu ħolma. Sadanittant għandna l-Isptar Mater Dei qiegħed jogħtor.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-Gvern għandu jinvesti kemm hemm bżonn biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom servizz tas-saħħa xieraq. Imma jidher li l-Gvern tilef kull direzzjoni għal dan il-qasam.
L-inkompetenza tal-Gvern qed twassal biss għal aktar tbatijiet għall-pazjenti u aktar piżijiet fuq il-ħaddiema fl-isptarijiet u l-bereġ. Huma biss l-enerġija u l-kompetenza tal-ħaddiema tas-saħħa li qed iżommu lil dan il-qasam milli jikkrolla kompletament.
La l-ħaddiema, la l-pazjenti u lanqas il-ħaddiem Malti m’għandhom iħallsu għall-inkompetenza tal-Gvern ta’ Robert Abela.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jinsa l-ħmerijiet u ċ-ċerimonji, ixammar il-kmiem u jara kif se jsolvi l-kriżi li ħoloq hu stess. Fuq kollox jappellalu biex jieqaf jidħaq bin-nies.
//= $special ?>