Lokali

Il-Gvern jerġa’ jidħaq bil-bdiewa u r-raħħala – PN

Numru ta’ bdiewa u raħħala jingħataw ferm inqas minn dak li ġew imwiegħda meta applikaw għal skema ta’ ko-finanzjament minn fondi Ewropej

Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l-bdiewa u r-raħħala jingħataw aktar flus mill-fondi Ewropej, speċjalment jekk dawn ikunu ġew imwiegħda lilhom. Jiżgura wkoll li dan isir mingħajr ma jikkumplikalhom il-ħajja b’ħafna burokrazija żejda u jara li fl-istess ħin dawn jiġu megħjuna biex jixtru inġenji u apparat agrikolu professjonali u ta’ kwalità.

L-aħbar li ħarġet illum tikkonferma dak li qalet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ftit ġranet qabel il-Milied, meta konna żvelajna li l-Gvern Laburista qed jerġa’ jidħaq b’dan is-settur meta se jkun qed jagħti inqas minn 50% tal-ispejjeż lil numru ta’ bdiewa u raħħala li kienu applikaw għal fondi Ewropej biex iwettqu għadd ta’ proġetti agrikoli.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Toni Bezzina u David Agius qalu li dan wassal biex hemm min se jieħu 30% biss ta’ dak li applika għalih minkejja li kien ġie mwiegħed li se jingħata grant li tkopri mill-inqas nofs l-investiment li jidħol għalih.

Il-Partit Nazzjonalista, għal darba oħra qed jappella lill-Gvern biex jiżgura li l-bdiewa u r-raħħala li applikaw għal dawn il-fondi tal-UE tinstabilhom soluzzjoni ħalli verament ikunu jistgħu jwettqu għadd ta’ proġetti li huma ppjanaw. Bl-iskuża li l-kwotazzjonijiet ġew riveduti biex jirriflettu l-prezzijiet attwali tas-suq, dawn il-bdiewa u raħħala issa spiċċaw jew mhuma se jieħdu xejn, inkella se jieħdu ferm inqas mill-50% tal-fondi li ġew imwiegħda, bir-riżultat li l-ispejjeż li se jkollhom se jkunu ferm aktar milli pproġettaw.

Kuntrarju għal dak li qed jagħmel dan il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jaħdem id f’id mal-bdiewa u r-raħħala u jara li l-proġetti li jkunu jridu jwettqu jingħataw il-fondi neċessarji u mingħajr burokrazija żejda.

Dan sabiex il-bdiewa u r-raħħala Maltin ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu u jipproduċu prodotti ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.

Ix-Shadow Ministers qalu li din l-iskema, li l-bdiewa u r-raħħala applikaw għaliha f’Ġunju tas-sena l-oħra, hija taħt l-hekk imsejħa Skema Simplifikata ta’ Fondi tal-UE għal Investimenti fl-Agrikoltura u bil-fondi tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE (2023-2027) kienu se jiffinanzjaw ix-xiri ta’ inġenji u apparat agrikolu professjonali ta’ kwalità.

Imma wara li l-bdiewa rċivew ir-riżultat tal-applikazzjonijiet tagħhom, skoprew li se jieħdu ammont ferm inqas li jkopri inqas minn nofs l-ispejjeż għal makkinarju inferjuri li ma jgħoddx għall-bidwi kummerċjali. Dan wassal ukoll biex numru ta’ bdiewa u raħħala genwini waqqgħu l-applikazzjoni tagħhom.

Toni Bezzina u David Agius sostnew li dan ifisser li wara li ħafna bdiewa għamlu l-kuraġġ biex japplikaw biex ikunu jistgħu jinvestu u jtejbu l-operat tagħhom, spiċċaw baqgħu b’xiber imnieħer bi skema li tinċentiva biss xiri ta’ apparat ta’ kwalità inferjuri u li ma tilqax għall-bżonnijet ta’ bdiewa u raħħala kummerċjali li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom minn dan il-mestier.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern isib soluzzjoni għal din it-taħwida li ħoloq hu stess biex kemm jista’ jkun malajr il-bdiewa u r-raħħala jkunu jistgħu jinvestu fil-proġetti tagħhom u mhux jispiċċaw ikkastigati minħabba l-inkompetenza dejjem tikber ta’ dan il-Gvern.