Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump b’mod uffiċjali huwa s-47 President – l-ewwel President li affaċċja akkużi fil-Qrati, u li matul ħajtu għadda minn diversi kontroversji oħrajn.
Donald Trump twieled fl-14 ta’ Ġunju tal-1946 fi Queens, New York. Huwa attenda l-akkademja Militari ta’ New York kif ukoll il-Wharton School of Finance and Commerce fl-Università ta’ Pennsylvania.
Minn hemmhekk, Trump segwa l-passi ta’ missieru hekk kif fl-1971 beda jmexxi l-kumpanija ta’ propjetà u biddel l-isem għal Trump Organization. Matul dan il-perjodu l-kumpanija bniet numru ta’ lukandi lussużi, binjiet residenzjali u kummerċjali kif ukoll casinos.
Apparti minn hekk, Trump huwa awtur ta’ numru ta’ kotba bl-ewwel wieħed bl-isem ‘The Art of the Deal’ li kien ippubblikat fl-1987 kien ferm popolari fid-dinja tan-negozju.
Imbagħad fl-2004 beda jipproduċi u jippreżenta l-programm The Apprentice li dam għaddej għal 11-il sena propju sal-istess sena li Trump ħabbar il-kandidatura tiegħu għal President fl-elezzjoni tal-2016.
Lura fl-2005 Trump iżżewweġ lil Melania Knauss u flimkien għandhom tifel bl-isem ta’ Barron Trump. Iżda Trump għandu erbat itfal oħra minn żwiġijiet passati.
Donald Trump serva bħala l-45 President tal-Istati Unit bejn l-2017 u l-2021 wara li kien għeleb lill-eks-Segretarju tal-Istat Hillary Clinton. F’din l-elezzjoni Trump kien rebaħ il-maġġoranza tal-Colleges bl-islogan għal din il-kampanja kien “Make America Great Again”.
Trump kien daħal għall-ewwel terminu tal-Presidenza mingħajr ebda esperjenza fil-politika u għalhekk kellu metodi differenti ta kif jikkomunika l-prijoritajiet tiegħu. Infatti Trump kien iwassal il-messaġġi tiegħu permezz tal-midja soċjali.
Bħala President huwa ffirma abbozz maġġuri dwar ir-riforma tat-taxxa kif ukoll ħadem sabiex ikun hemm tnaqqis fir-regolamenti federali.
F’Mejju tal-2024 Trump sar l-ewwel eks-President li nstab ħati fil-Qorti wara li ġurija sabitu ħati ta’ 34 akkuża fejn iffalsifika numru ta’ dokumenti fost affarijiet oħra. Dan apparti li Donald Trump huwa l-ewwel President li kellu żewġ impeachments.
Trump rebaħ l-elezzjoni li saret f’Novembru li għadda u huwa l-ewwel President wara Grover Cleveland li se jkun qed iservi żewġ termini mhux konsekuttivi. Cleveland kien serva bħala President bejn 1885 u l-1889 kif ukoll bejn l-1893 u l-1897.
Minn issa, Trump se jkun qed iservi bħala s-47 President tal-Istati Uniti fejn mistenni li jindirizza numru ta’ sitwazzjonijiet b’rabta mal-bidla fil-klima u l-immigrazzjoni.
//= $special ?>