Lokali

Il-President Myriam Spiteri Debono għaddejja bi żjara fl-Italja u l-Vatikan

Il-President Myriam Spiteri Debono ħalliet Malta għal żjara uffiċjali fl-Italja u l-Vatikan.

Matul din iż-żjara, il-President Spiteri Debono se jkollha udjenza privata mal-Papa Franġisku, u mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin. Il-President Spiteri Debono se jkollha wkoll laqgħat mal-President Taljan Sergio Mattarella f’Palazzo Quirinale kif ukoll mal-Gran Mastru tal-Ordni Sovrana ta’ Malta, Fra John T. Dunlap, u t-tmexxija tal-Ordni, f’Palazzo Magistrale.

Il-President ta’ Malta se żżur ukoll l-Ambulatorio Madre di Misrericordia tal-Vatikan, kif ukoll l-Ospedale Pediatrico Bambino Gesù fil-Vatikan, li hu sptar speċjalizzat fil-kura tat-tfal u li ta’ kull sena jilqa’ pazjenti minn Malta flimkien ma’ numru ta’ studenti tal-mediċina.

Il-President ta’ Malta se żżur ukoll l-esebizzjoni ‘A Maltese Artist in Rome’ ffurmata minn xogħlijiet ta’ Antonio Sciortino, li qed tittella’ fiċ-Circolo Culturale Dante Aleghieri. F’din l-okkażjoni, il-President se tiltaqa’ wkoll mal-komunità Maltija residenti l-Italja.

L-impenji uffiċjali tal-President Myriam Spiteri Debono jissuktaw fil-Polonja hekk kif se tkun qed tattendi wkoll għall-kommemorazzjoni uffiċjali tat-80 anniversarju tal-ħelsien mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz.

Il-President Myriam Spiteri Debono mistennija tirritorna f’Malta fit-28 ta’ Jannar. Matul dan il-perjodu, Francis Zammit Dimech se jservi bħala Aġent President.