Lokali Qorti

Ir-racket fil-benefiċċji soċjali: 22 persuna semmew lil Silvio Grixti meta ġew interrogati

22 persuna li gawdew mir-racket tas-servizzi soċjali identifikaw lill-Eks Membru Parlamentari Laburista Silvio Grixti u tlieta lill-eks canvasser tiegħu Luke Saliba, meta interrogati mill-Pulizija b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji tad-diżabbiltà.

Dan ġie żvelat it-Tnejn meta kompla l-każ fil-konfront ta’ Grixti u persuni oħra. L-aktar li identifikaw kienu fil-konfront tal-eks deputat Laburista. Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, komplew il-proċeduri kriminali kontra t-tabib Silvio Grixti u erbgħa oħra dwar l-allegat involviment tagħhom biex iwettqu frodi fil-benefiċċji soċjali lill-persuni li ma kenux intitolati għalihom.

L-Ispettur Andy Rotin qal lill-Qorti li kienu 72 individwu li ġew interrogati bħala parti mill-investigazzjoni. Filwaqt li l-maġġoranza għażlu li jibqgħu siekta, fejn qalu li ma jafux ma’ min kien tkellmu, 22 mill-persuni mistoqsijin għamlu referenza għal Grixti. Tliet individwi oħra semmew individwu akkużat ieħor, lil Luke Saliba.

L-Ispettur Rotin qal li kien qed jassisti lill-Ispettur Wayne Borg fuq dan il-każ u kien f’Ottunru tal-2022 li beda jinvestiga fuq rapport li kien għamel George Cremona, u dan fuq rapporti suspettużi dwar benefiċċji fuq diżabilità severa.

Tenna li f’dan l-istadju kien diġà ttieħed il-lap top ta’ Grixti. Tenna li meta l-persuni involuti kienu qegħdin jiġu mitkellma, ħafna qalu ma kenux għarfu ma’ min kienu rranġaw biex jingħataw il-benefiċċji. Minnhom, però, kien hemm min qal li kienu ġew avviċinati biex jingħataw l-għajnuna meta kienu f’każin.

Fuq Luke Saliba qal li kien hemm sistema li kienu jmorru fil-ħanut tiegħu u kien iħajjarhom biex jieħdu l-benefiċċji. Hu kien talabhom il-karta tal-identità u n-numru tal-IBAN tal-bank, u dan biex jiskatta l-proċess. L-Ispettur Rotin qal li l-ewwel sitt xhur ta’ pagamenti lil dawk li bbenefikaw kienu jmorru għand Luke Saliba.

Roger Agius, Emmanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba, qed jiġu mixlija li waqqfu u li ffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ammont ta’ aktar minn €5,000 u falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali.

L-irġiel huma akkużati wkoll li ffalsifikaw dokumenti pubbliċi u xjentement għamlu użu minnhom, għamlu dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet pubbliċi u fil-pussess ta’ oġġetti maħsuba biex jintużaw għal skopijiet frawdolenti, kif ukoll akkuża separata ta’ ħasil ta’ flus.

Grixti jinsab akkużat li pprovda lill-applikanti b’ċertifikati mediċi għal diżabbiltà li fil-verità ma sofrewx minnhom, li ppermettewhom jikkwalifikaw għall-allowance wara li dehru quddiem bord mediku. Il-Pulizija qed takkuża lil Agius, Spagnol, Caruana u Saliba li aġixxew bħala intermedjarji, li ġabru ħlasijiet mingħand il-benefiċċjarji frawdolenti.

Lista dettaljata tal-benefiċċjarji li nstabu fuq il-laptop ta’ Grixti, ġew miġbura skont ir-rabta tagħhom mal-imputati differenti, flimkien ma’ rekords tal-ammonti li Grixti kien irċieva u t-totali mħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lill-benefiċċjarji frawdolenti.

Aktar ismijiet għal dawk skoperti fuq il-laptop ta’ Grixti, instabu dettaljati f’reġistri miktuba bl-idejn li l-Pulizija rkuprat mid-dar ta’ Roger Spagnol. Spagnol u Grixti kienu qasmu d-dħul, ingħad diġà fil-Qorti. Fil-bidu tas-seduta tat-Tnejn, Roger Agius, eks canvasser ta’ Grixti li wkoll qed jiffaċċja akkużi, iddikjara li għadu ma ħatarx avukat tal-għażla tiegħu.

Dan wara li l-eks avukat tiegħu Jason Azzopardi kien irrinunzja li jkompli jidher għalih. Barra minn hekk, esprima x-xewqa tiegħu li ma jkunx avukat tal-għajnuna legali maħtur mill-Qorti. Imma jagħżel wieħed ta’ fiduċja tiegħu.

Meta mistoqsi mill-Qorti jekk jistgħux jinstemgħu xhieda minkejja n-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni legali, Agius fil-bidu stqarr li jippreferi li jkun hemm avukat preżenti. Madankollu, huwa biddel fehmtu meta ġie ċċarat li kontroeżamijiet jistgħu jsiru fi stadju aktar tard peress li t-traskrizzjonijiet ikunu disponibbli.

Wara li diversi xhieda oħra ppreżentaw dokumentazzjoni lill-Qorti, il-prosekuzzjoni ddikjarat li ma kienx hemm aktar xhieda għas-seduta preżenti. B’hekk il-kawża ġiet differita għas-6 ta’ Frar fid-9.30am.

L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għal Grixti. L-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb għal Luke Saliba, filwaqt li l-Avukat Michael Sciriha qed jidher għal Dustin Caruana u Emmanuel Spagnol. L-Avukati tal-AĠ Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne R Borg u Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni.