Lokali

Iż-żgħażagħ għandhom ċans joħorġu t-talent tagħhom fl-industrija tal-films

Żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-30 sena għandhom iċ-ċans li għal sena oħra joħorġu t-talent tagħhom fl-industrija tal-films billi jissottomettu film li jkunu ħadmu fuqu huma.

L-applikazzjonijiet għall-Malta Youth Film Festival fetħu sabiex wieħed ikun jista’ jissottometti film qasir għat-tmien edizzjoni ta’ dan il-festival u wieħed għandu ċans sat-25 ta’ April biex jagħmel dan.

Dawk interessati li jipparteċipaw għandhom jipproduċu film qasir, mhux itwal minn 10 minuti, għall-ġeneri kollha tal-films inkluż animazzjoni, drama, thriller, vidjo mużikali, dokumentarji u oħrajn. Ir-rebbieħa tal-Unur għall-Aħjar Stampa jingħataw premju fi flus ta’ €600.

Hemm seba’ premjijiet li se jingħataw lill-produtturi tal-films żgħażagħ bħala parti minn dan il-festival, li huma għall-aqwa kitba, l-aħjar direzzjoni, l-aktar kunċett oriġinali, l-aqwa attur, l-aqwa ċinematografija, premju għall-għażla pubblika, u l-aħjar stampa.