Lokali Parlament

Jeħtieġ titnaqqas it-tbatija tal-annimali u min jitma l-annimali ma jkunx kastigat

Janice Chetcuti, PN


Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti sostniet fil-parlament li jeħtieġ titnaqqas it-tbatija tal-annimali u li min jitma’ l-annimali ma jkunx kastigat daqs min iħammeġ barra.

Janice Chetcuti qalet li l-feeders huma nies li jitimgħu l-annimali u jieħdu ħsieb kolonji fl-irħula iżda hemm sitwazzjoni oħra u differenti li tirriżulta meta persuna tara annimal barra, titħassru u titimgħu. Dawn ma jistgħux jissejħu feeders.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li jekk dawn il-persuni ma jkunux reġistrati huma jistgħu jeħlu l-multa. Hi appellat biex il-kunsilli lokali jkunu organizzati f’dan ir-rigward u qalet li min jitma annimal m’għandux ikun immultat għaliex jista’ jkun hemm annimali li ma jkun qed jieħu ħsiebhom ħadd,

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-klieb u l-qtates għandhom jingħataw trattament tas-snien propju għaliex kemm ilu magħluq l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali dan is-servizz għadu mhuwiex jingħata.

Janice Chetcuti sostniet li jirriżulta li l-ebda klinika mhi tagħti dan is-servizz; kif mhux jingħataw servizzi ta’ ortopedija lill-annimali. Dan qed iwassal biex l-annimali li jkunu muġugħa jsiru iktar aggressivi.

Janice Chetcuti qalet li l-ebda NGO ma kienet mgħejjuna f’dan ir-rigward u semmiet il-każ taż-żwiemel li qed jieħdu ħsiebhom numru ta’ żgħażagħ b’mod volontarju. L-ebda santwarju tal-annimali għadu ma ħa l-għajnuna li wiegħed il-gvern għalkemm kien hemm xi periti libdew imorru jaraw il-postijiet. Il-gvern kien wiegħed li jekk NGO issib post fejn jagħmlu santwarji tal-annimali allura l-gvern kien se jgħinhom; iżda dan ma seħħx.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li min jitma annimal għandu jkun mgħejjun u mhux immultat. Min iħammeġ barra għandu jkun immultat iżda l-ikel lil xi annimali m’għandux jitpoġġa fl-istess kategorija ta’ dawk li jitimgħu l-annimali bħala feeders.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet ukoll dwar il-mozzjoni dwar klieb li ġejjin minn ċertu razez u spjegat li l-PN ma jemminx f’distinzjoni bejn l-annimali jew bejn klieb bil-pedigree u klieb li mhumiex.

Hi qalet li l-gvern qed jagħmel distiznjoni bejn dawn il-klieb u spjegat li l-PN jemmen fl-infurzar kontinwu; għalhekk jekk il-gvern jinforza l-liġijiet is-sitwazzjoni tkun imtejba iżda d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali qed ikun negliġenti.

Janice Chetcuti qalet li kien hemm sitwazzjoni fejn ammont ta’ klieb li ġejjin minn dawn ir-razez kienu wettqu sitwazzjoni u sena wara kien hemm traġedja propju minħabba li ma kinux ittieħdu l-passi neċessarji.

Flok il-gvern se jikkastiga lil kull min qed jaħqar l-annimali, il-gvern se jwaqqaf biss il-klieb li m’humiex puri. Il-liġi li qed iresssaq l-gvern ma tħarisx fit-tul u qed tikkastiga lil dawn ir-razez meta l-kastig għandu jieħdu min jikkaġuna tbatija fuq l-annimali. Jeħtieġ li l-ewwel ikun hemm l-edukazzjoni neċessarja u wara jittieħdu l-passi. Id-Direttur għandu l-poter li jikkonsfisa l-klieb lima jkunx bil-pedigree.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li ħadd għadu ma jaf ta’ min huma l-iljuni u t-tigri li nstabu ftit ilu f’post magħluq. Hi appellat biex isiru liġijiet li jikkontrollaw it-tnissil tal-klieb; irrilevanti jekk il-klieb humiex puri jew le. Jeħtieġ li ma jkunx hemm iktar klieb li jinqatgħulhom widnejhom u denbhom, sostniet Janice Chetcuti.