Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Starlites JSD lura għar-rebħ f’ġurnata ta’ rebħiet kbar

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Athleta AtoZ 72

Starlites JSD 115

(15-27)(20-30)(17-30)(20-28)

Ic-champions Starlites JSD irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Athleta AtoZ 115-72. It-tliet Amerikani tagħhom kellhom wirja tajba fejn qasmu bejniethom 79 punt. Isaac Xuereb u Billy Zammit kienu nieqsa għall-Athleta, filwaqt li Starlites kienu mingħajr Kolten Mortensen.

Starlites ħadu kontroll tal-partita sa mill-ewwel ħinijiet fejn bdew bi break ta’ 18-6 bi trippli ta’ Miguel Fabri u punti minn Chris Paul Trevon Reddish. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Caleb Matthews, però Starlites għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta bi trippla ta’ Benjamin Curran. Athleta kellhom żewġ baskets minn Juan Cefai għal skor ta’ 15-27 fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Fit-tieni perjodu kien hemm aktar trippli fuq iż-żewġ naħat minn Andre Bozanic u Kurt James għall-Athleta, u Kai Fabri u Paul għal Starlites. Mal-ħin, Starlites komplew jinqatgħu fuq quddiem speċjalment wara run oħra ta’ 11-2 maqsuma bejn Curran u Paul. Athleta wieġbu biss mill-free-throw line biex Starlites daħlu jistrieħu fuq quddiem 57-35.

Fil-bidu tat-tielet sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa fosthom żewġ trippli oħra minn Curran filwaqt li għall-Athleta James u Matthews kienu l-aktar attivi. Starlites iddominaw il-kumplament tat-taqsima bi break qawwi ta’ 16-0 biex sa’ tmiem il-perjodu kienu 87-52 minn fuq.

Fl-aħħar sessjoni Athleta ppruvaw jiksbu aktar punti biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli, però Starlites ukoll kellhom sensiela ta’ punti li rawhom jgħaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Reddish. Iż-żewġ coaches taw spazju lil plejers ta’ fuq il-bank biex Starlites ma kellhomx diffikultà jkomplu jikkontrollaw sat-tmiem u jerbħu l-partita 115-72.

Athleta AtoZ: K. Fabri, A. Garcia, C. Matthews 23, K. James 19, M. Farrugia, A. Bozanic 7, L. Borg 3, J. Cefai 8, M. Amoafo 12, G. Cassar.

Starlites JSD: B. Curran 30, A. Aquilina 3, K. Fabri 6, I. Felice Pace 10, M. Fabri 8, L. Riolo, M. Scerri, C. Paul 25, L. Farrugia 4, K. Xuereb 5, N. Sultana, T. Reddish 24.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Miguel De Flavia

Hibernians 106

Sigma Depiro 83

(28-18)(21-22)(32-20)(25-23)

B’wirja mill-isbaħ il-leaders tal-klassifika Hibernians għelbu lil Sigma Depiro 106-83 biex wieġbu għar-rebħa ta’ Starlites aktar kmieni. F’xi waqtiet l-Amerikani tagħhom offrew spettaklu b’sensiela ta’ dunks li paxxew lill-udjenza preżenti. Derek Brown spiċċa wkoll bi tripple double fejn kellu 11-il rebound, 11-il assist u 30 punt. Hibs kellhom biss bidla waħda mill-formazzjoni li għelbet lil Starlites ġimgħa ilu meta Vido Kustodija ħa post Luke Attard.

Hibs bdew bil-punti minn Tederick Wolfe u Derek Brown filwaqt li għal Depiro kien hemm it-trippli minn Cameron Cornelius. Hibs komplew bi break ta’ 10-0 bi three pointers minn Matthew Gouder u Wolfe, però Depiro wkoll wieġbu bi trippli minn Miguel Brincat u Nikola Bozovic. Hibs reġgħu għamlu disa’ punti mingħajr risposta biex temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 28-10.

Fit-tieni perjodu, Depiro bdew tajjeb bil-punti ta’ Brandon Porter u Bozovic biex naqqsu d-distakk qabel ma Brown irrisponda b’żewġ baskets. Kien hemm żewġ trippli fuq kull naħa biex Hibs żammew vantaġġ ta’ disa’ punti. Porter kompla jikseb il-punti ta’ Depiro iżda għal Hibs reġa’ kien hemm il-punti ta’ Gouder u Wolfe biex id-distakk baqa’ ta’ 9 punti fl-intervall, bil-Hibs fuq quddiem 49-40.

Fit-tielet taqsima Hibs kellhom il-punti ta’ Ivan Demcesen li sa dak il-ħin kellu partita kwieta flimkien ma’ Gouder li għamel trippla għal skor ta’ 61-47. Depiro ppruvaw jirrispondu permezz ta’ Porter u trippli minn Bozovic u Brincat, iżda kull darba sabu lil Hibs iwieġbu speċjalment permezz tal-Amerikani Wolfe u Brown li lejn tmiem is-sessjoni għamlu seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 81-60.

B’dan il-vantaġġ, it-tim ta’ Hibs kellhom il-partita f’idejhom għalkemm Depiro baqgħu jippersistu bi trippli minn Porter u Bozovic qabel ma Hibs għamlu run ta’ 14-5 li rathom jgħaqqdu l-mitt punt b’dunk ta’ Wolfe hekk kif baqgħu sejrin biex rebħu l-partita 106-83.

Hibernians: N. Cassar 2, T. Wolfe 32, D. Brown 30, P. Attard, L. Farrugia, V. Kustudija 3, A. Axiaq, M. Gouder 20, M. Attard 3, M. Mallia 3, I. Demcesen 11, S. Simic 2.

Sigma Depiro: S. Galea 2, D. Bugeja 4, N. Bozovic 18, N. Zivkovic, L. Stefanovic, A. Trapani, D. Tomasi, B. Porter 28, M. Brincat 14, C. Cornelius 14, M. Debattista 3.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Luxol Sherries Estates 126

Tigers 67

(35-22)(32-9)(35-17)(24-19)

Luxol Sherries Estates ukoll kisbu rebħa kbira meta għelbu lil Tigers 126-77. Luxol fetħu qawwi hekk kif kellhom tliet trippli minn Nathan Xuereb. Ir-risposta ta’ Tigers ġiet minn Andre Attard u Kendall Jordan flimkien ma’ żewġ trippli minn Keith Micaller għal skor ta’ 12-10 f’nofs l-ewwel sessjoni.

Hawn Luxol kellhom aktar trippli din id-darba minn JP Schembri flimkien mal-Amerikani Darren Howard u Caleb Mccrary. Wara li Varcallo u Jordan wieġbu għal Tigers, Luxol għamlu break ta’ 8-1 biex it-taqsima għalqet fuq skor ta’ 35-22.

Luxol bdew it-tieni perjodu b’disa’ punti oħra bi trippla ta’ Howard qabel ma Jordan wieġeb għal Tigers ukoll bi three pointer. Luxol kellhom mument tajjeb bi 15-il punt mingħajr risposta maqsum bejn Mccrary, Adam Azzopardi u Howard. Tigers waqqfuhom b’basket ta’ Varcallo, bil-Luxol jagħlqu bi trippla ta’ Azzopardi għal skor ta’ 67-31.

It-tielet taqsima fetħet bi trippli ta’ A. Azzopardi u Xuereb filwaqt li Andre Attard wieġeb għal Tigers ukoll bi three pointer. Wara run ta’ 9-0 minn Luxol, kien hemm punti fuq kull naħa b’Varcallo jkollu mument tajjeb għal Tigers. Luxol għalqu s-sessjoni b’run ta’ 13-2 fejn għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Cappello għal skor ta’ 102-48.

L-aħħar sessjoni kienet biss formalità fejn kien hemm fost l-oħrajn it-trippla ta’ Matthias Vassallo Pulis fid-debutt assolut tiegħu fil-kategorija tal-kbar. Tigers sabu run ta’ 9-1 maqsuma bejn Jordan u Vancallo, u basket minn Edgar Caruana Montaldo fl-aħħar attakk fisser li kull plejer ta’ Luxol niżżel ismu fost l-iskorers hekk kif huma ħarġu rebbieħa 126-67.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 17, E. Caruana Montaldo 2, A. Azzopardi 17, I. Azzopardi 2, V. Jandric 7, P. Engelbert 10, JP Schembri 6, N. Xuereb 17, M. Vassallo Pulis 6, C. Jones Mccrary 16, M. Matijevic 7, S. Cappello 19.

Tigers: D. Pisani 1, M. Farrugia, A. Attard 5, K. Jordan 34, K. Micaller 8, D. Mitrovic, D. Constantino, M. Baldacchino, A. Varcallo 19, S. Saakian

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Wendell Lin, Nicky Azzopardi