Lokali

Kriżi fl-Isptar? Ifarfar fuq il-Ministru sieħbu u jsib kenn imsakkar fil-karozza tiegħu

Membru ieħor fil-Kabinett ta’ Robert Abela li qed ifarfar is-sitwazzjoni ddisprata fis-settur tas-saħħa fuq il-Ministru responsabbli … u jagħti x’jifhem li m’għandux dettalji dwar dak li għaddej f’dan il-qasam.

Il-Kabinett Laburista jew verament qatt ma ddiskuta dan is-settur jew inkella għad m’għandux soluzzjoni sabiex it-tobba u l-pazjenti ma jkomplux ibatu min-nuqqasijiet li qed naraw, b’waiting lists ma jispiċċaw qatt, operazzjonijiet jitħassru, u ċentri tas-saħħa u l-Isptar iffullati.

Bis-Segretarju Parlamentari, Keith Azzopardi Tanti jgħid biss li l-Ministru Jo Etienne Abela qed jagħmel xogħlu; iżda ma offra l-ebda soluzzjoni.

Ta’ min wieħed ifakkar illi li kieku l-Gvern ma berbaqx mal-€400 miljun fuq il-barranin għal deal skandaluż, kieku llum il-ġurnata dawn l-istess flus intużaw f’investiment xieraq għall-poplu Malti u Għawdxi.

Iżda meta affaċjat b’din il-mistoqsija, Azzopardi Tanti sempliċiment ħarab mill-mikrofonu ta’ Net News għall-kenn tal-karozza tiegħu.

Fl-aħħar jiem, tobba, mediċi u kirurgi li tkellmu ma’ Net News iddiskrivew id-“diżastru” li s-settur tas-saħħa jinsab fiha, b’mod speċjali d-Dipartiment tal-Emerġenza fi ħdan Mater Dei. Bis-swali tal-Isptar spiċċaw iffullati, apparti n-nuqqas ta’ staff, u nuqqas ta’ ħin ta’ mistrieħ. Bażikament sistema li hi kompletament imfarrka.

Huwa ċar li fl-aħħar jiem kompliet tiggrava s-sitwazzjoni fl-Isptar, bil-Ministru Jo Etienne Abela jilħaq ftehim mal-isptarijiet privati f’pajjiżna sabiex jieħdu numru ta’ każijiet mill-emerġenza u b’hekk itaffu mill-piż fuq Mater Dei.

Iżda jiem wara sar magħruf li dan il-pjan kien wieħed li kkaġuna aktar problemi minħabba n-nuqqas ta’ protocol.