Id-deċiżjoni bil-moħbi tal-Gvern li jċaqlaq il-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-elettrifikazzjoni tal-karozzi tal-linja pubbliċi għall-karozzi privati ma kinitx ikkomunikata jew approvata mill-Kummissjoni Ewropea. U għalhekk, l-NGOs ambjentali Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti u Rota jħeġġu lin-nies jiffirmaw il-petizzjoni parlamentari biex jitolbu diskussjoni demokratika fuq iċ-ċaqliq propost tal-fondi pubbliċi mit-trasport pubbliku għal dak privat.
F’Diċembru tal-2024, ħarġet l-aħbar tad-deċiżjoni sigrieta tal-gvern li jwarrab il-pjanijiet tiegħu li juża l-fondi tal-UE biex tiġi elettrifikata parti mill-flotta tat-trasport pubbliku. Minflok, qed jipproponu li jużaw il-fondi biex ikomplu jipprovdu sussidji għax-xiri tal-karozzi elettriċi privati. Dan minkejja li l-pjanijiet tal-fondi approvati diġà jinkludu baġit ta’ €60 miljun għax-xiri ta’ vetturi elettriċi b’emissjonijiet żero għas-settur pubbliku u dak privat.
L-elettrifikazzjoni tal-karozzi tal-linja hija waħda mill-miżuri proposta minn Malta u aċċetata mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-pjan approvat tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Il-fondi tal-RRF tal-Kummissjoni Ewropea huma maħsuba biex jgħinu l-ekonomiji tal-UE jissaħħu u jsiru iktar reżiljenti wara l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, u biex jippromwovu t-tranżiżżjoni ekoloġika.
Bħala NGOs, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti u Rota jinsabu mħassba sew dwar it-tibdil propost fl-użu tal-finanzjament. L-iskop, l-għanijiet, u l-impatt taż-żewġ miżuri mhumiex l-istess. L-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi tal-linja hija investiment fi trasport pubbliku li jibbenifika ‘l-pajjiż u liċ-ċittadini kollha. Din il-miżura għandha impatt fuq il-komunitajiet u tnaqqas d-diskrepanza fl-inugwaljanzi soċjali, ambjentali u tal-mobilità.
Il-karozzi tal-linja moderni u elettriċi jistgħu jieħdu post il-karozzi tal-linja iktar antiki tad-Diesel tat-tip Euro 5, u jibqgħu parti mill-flotta tat-trasport pubbliku anke jekk l-operatur ta’ bħalissa ma jirbaħx it-tender li jmiss.
Dan il-finanzjament jista’ jsaħħaħ is-sistema tat-trasport pubbliku tagħna, billi jtejjeb is-servizz jew saħansitra billi tinbeda sistema ta’ Trasport Rapidu tal-Linja (BRT). Min-naħa l-oħra, is-sussidji tal-karozzi elettriċi privati jibbenifikaw l-iktar lill-individwi iktar sinjuri, u b’hekk jikkawżaw iżjed inugwaljanzi, u jkompli jinċentivaw ix-xiri u l-użu tal-karozzi privati.
Malta diġà għandha problemi severi bid-dipendenza fuq il-karozza, l-użu tal-ispazju pubbliku, it-traffiku u l-problemi ta’ parkeġġ, u l-inċidenti fit-toroq. Barra minn hekk, kuljum qed jiżdiedu 60 karozza fit-toroq Maltin. Din il-problema ġiet rikonoxxuta wkoll mill-Kummissjoni Ewropea.
Nibqgħu mħassba dwar l-intenzjonijiet veri ta’ din il-bidla proposta fil-finanzjament. Dan verament qed iservi lill-pajjiż u lir-residenti tiegħu, jew huwa r-riżultat ta’ lobbying qawwi mill-industrija li timporta l-karozzi? Aħna nistiednu liċ-ċittadini u r-residenti ta’ Malta biex jiffirmaw din il-petizzjoni parlamentari biex jitolbu li din id-deċiżjoni titreġġa’ lura, biex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi jintefqu fuq it-trasport pubbliku, u li l-użu tal-fondi tal-UE jkun irregolat b’mod trasparenti, b’opportunità għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, u ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u r-residenti kollha ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-PN ftit tal-ġimgħat ilu, ix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut, Ryan Callus, David Agius u Eve Borg Bonello spjegaw kif il-Gvern rema investiment ta’ €34 miljun f’fondi tal-UE f’karozzi tal-linja ġodda li ma jniġġsux. Dan apparti li e jkunu qed jintilfu wkoll €7 miljun f’fondi Ewropej għaċ-charging stations tal-istess vetturi, u €50 miljun oħra f’investiment mill-privat biex ikollna arja iżjed nadifa.
//= $special ?>