Il-Papa Franġisku, f’dawn is-sigħat ta’ qabel l-inawgurazzjoni ta’ Trump bħala s-47 President tal-Istati Uniti, qal ċar u tond li jkun ‘ta’ għajb kbir’ jekk kemm-il darba jkunu realizzati l-pjani ta’ Trump biex jiddeporta lill-immigranti illegali mill-Istati Uniti.
F’kummenti lill-midja Taljana waqt li kien qiegħed fir-residenza tal-Vatikan, il-Papa qal li jekk dawn il-pjani jkunu implimentati, ‘il-President Trump ikun żied bil-kbir il-gwaj għal dawn l-imsieken li ftit għandhom mezzi ta’ għajxien ulterjuri’.
U f’kundanna ċara għal din il-politika li qed tidher qrib li titwettaq fi prattika, il-Kap tal-Kattoliċi tenna li ‘dan mhux sew minbarra li mhux il-mod kif wieħed isolvi l-problemi’.
Donald Trump, kemm-il darba qabel l-inawgurazzjoni, wiegħed biex jibda l-akbar mewġa ta’ espulsjonijiet ta’ immigranti mingħajr id-dokumenti meħtieġa fl-istorja tal-Istati Uniti. Proċess li mistenni jibda mill-aktar fis fost it-tħassib tal-gruppi favur id-drittijiet umani fl-Istati Uniti u madwar id-dinja.
Sadanittant, il-Papa bagħat messaġġ personali lil Donald Trump fejn wassallu ‘t-tislijiet kordjali’ filwaqt li ħeġġeġ biex il-President Amerikan imexxi soċjetà li ma tippermettix ‘għall-mibegħda, l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni’. Il-Kap tal-Kattoliċi ħeġġeġ ukoll biex it-tmexxija ġdida f’Washington tagħmel minn kollox biex tippromowvi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fost il-popli kollha.