Matul is-sena 2024, twieldu 4,107 tarbija; li jfisser 97 (-2.3%) wild inqas irreġistrat fl-2024 meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Minn dawn l-4,107 tarbija, 2,076 kienu subien u 2,031 kienu bniet.
Is-sena li għaddiet ukoll kien irreġistrat ukoll tnaqqis fin-numru ta’ mwiet reġistrati fir-Reġistru
Pubbliku ta’ Malta. B’kollox, matul l-2024 ġew irreġistrati total ta’ 3,764 mwiet f’Malta li jfisser 151 (-
3.9%) mewt inqas meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Minkejja li r-rata totali ta’ mwiet f’Malta
naqqset, l-ammont ta’ rġiel irreġistrati mejta fl-2024 kien ftit aktar minn dak tal-2023, filwaqt li kien
hemm tnaqqis fin-numru ta’ nisa reġistrati mejta. Mit-total ta’ mwiet irreġistrati fl-2024, 1,951 kienu
rġiel li jfisser żieda ta’ tmint irġiel fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li 1,813 kienu nisa, li jfisser tnaqqis ta’
159 meta mqabbel mal-2023.
L-aktar ismijiet popolari ta’ trabi reġistrati matul l-2024 kienu Matteo, Noah u Liam għas-subien u
Valentina, Emma u Ella għall-bniet. Għat-tielet s-sena konsekuttiva Ġanni u Luċija baqgħu l-aktar
ismijiet popolari bl-ittri diatriċi Maltin.
L-istatistika miġbura mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta turi biċ-ċar li s-servizz offrut mill-fergħa ta’
Identità f’Mater Dei jibqa’ mill-aktar imfittex mill-pubbliku inġenerali. Fil-fatt, mad-90% tat-twelid
kollha f’Malta u kważi 60% tal-imwiet matul l-2024 ġew innotifikati f’dan l-uffiċċju.
L-2024 rat 1,994 koppja jingħaqdu fiż-żwieġ, li jfisser 40 żwieġ inqas fuq is-sena ta’ qabel. Għal
kuntrarju tal-2023 fejn ma kienet irreġistrata l-ebda Unjoni Ċivili, matul l-2024 ġew irreġistrati żewġ
Unjonijiet Ċivili u 51 Koabitazzjoni, żieda ta’ 15 fuq l-2023.
Matul l-2024 r-Reġistru Pubbliku ħareġ total ta’ 73,764 Ċertifikati ta’ Twelid, Żwieġ u Mewt, żieda ta’
4,777 fuq is-sena ta’ qabel, u 811-il ċertifikat ta’ Stat Ħieles. B’kollox, 42,425 ġew ordnati online u 31,339
mill-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fil-Marsa. Minn dan it-total,1,724 kienu ċertifikati multilingwali.