Lokali Qorti

Mixli li kkorrompa lit-tifla tal-mara tiegħu

Raġel ta’ 41 sena residenti r-Rabat, inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kkorrompa tfajla ta’ 16-il sena li tiġi bint il-mara tiegħu. L-akkużat ta’ nazzjonalità Eġizzjana, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u nżamm arrestat wara li d-difiża f’dan l-istadju m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li l-allegata vittma u ommha marru jagħmlu rapport għand il-Pulizija, bit-tifla tgħid li għal din l-aħħar sena l-akkużat kien qed imiss il-partijiet privati tagħha minn fuq il-ħwejjeġ u li kien ukoll jġiegħla tmiss il-parti tiegħu waqt li juriha films pornografiċi.

Huwa ġie akkużat b’sebgħa akkużi fosthom li kkommetta atti mhux kunsenswali ma’ tfajla taħt l-età, liema reat sar b’mod kontinwu u fid-dar tal-familja u li dan beda jseħħ meta l-allegata vittma kellha 15-il sena. Ġie mixli wkoll li wettaq reat fil-konfront ta’ persuna vulnerabbli, kontra l-volonta tagħha u li ta fastidju. Ġie mixli li beżża’ lit-tfajla li se titwettaq vjolenza fil-konfront tagħha,

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Jenifer Polidano flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Sarah Magri, għamlet talba lill-Qorti għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma u oħtha. Din it-talba kienet milqugħa għal perjodu ta’ tliet snin, bil-Qorti twissi lill-akkużat li jekk din tinkiser huwa jista’ jiġi kkundannat għal mhux aktar minn sentejn ħabs u multa ta’ €7,000.

Saret talba wkoll mid-difiża u mill-prosekuzzjoni biex l-ismijiet kollha tal-familja ma jiġux imxandra biex jiġu protetti, bid-difiża tgħid ukoll li l-akkużat għandu diversi kuntatti ma’ persuni peress li huwa ferm attiv f’komunità bibblika u reliġjuża.

Għall-akkużat dehru l-avukati Nikolai Bugeja u Joseph Bugeja.