Kultura Lokali

Spiteri Lucas Entertainment: Spettaklu mużikali “A Night with Neil Diamond, Adele and the Best of Country”

Noel D’Anastas

Wara s-suċċess b’diversi produzzjoni mużikali, Spiteri Lucas Entertainment se tkun qed tippreżenta spettaklu mużikali “A Night with Neil Diamond, Adele and the Best of  Country”. Dan ser jittella’ nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar fis-7.30 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 26 ta’ Jannar 2025 fis-6.00 ta’ filgħaxija, fit-Teatru Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta, f’Tal-Qroqq.

‘A Night with Neil Diamond, Adele and the Best of Country’ huwa spettaklu għall-familja kollha mżewwaq b’kant, mużika, kostumi, korjografija u diversi effetti viżwali, li żgur se joffri attrazzjoni differenti lil kull min ħa jattendi għalih.

Matul l-isepttaku se jiġu interpretati bosta suċċessi mużikali tal-kantawtur leġġendarju Neil Diamond u l-kantanta Adele bħal ‘America’, ‘Love on Rocks’, ‘Song Sung Blue’,‘September Morn’, ‘Sweet Caroline’, ‘Cracklin Rosie’, ‘I am I Said’, ‘When We WereYoung’, ‘Turning Tables’, ‘Set Fire to the Rain’, u ‘Easy on Me’ – kollha kanzunetti sbieħ u magħrufa fir-ripertorju vast ta’ dawn iż-żewġ artisti kbar.

Ma’ dawn is-siltiet, se jiġu interpretati wkoll numru ta’ kanzunetti popolari mill-kamp tal-mużika Country ta’ artisti bħal Kenny Rogers, Dolly Parton, Charlie Rich, Tammy Wynette, Johnny Cash, Lynn Anderson, Shania Twain, John Denver u oħrajn. Ta’ dawn, x’aktarx li nisimgħu  ‘Coward of the County’, ‘Nine to Five’, ‘Stand by Your Man’, ‘Rhinestone Cowboy’, ‘Take me Home Country Roads’, ‘Rose Garden’, The Coward of the County’, ‘Islands in the Stream’,‘Ring of Fire’, ‘Don’t Be Stupid’ u bosta oħrajn.

Il-protagonisti

Fost il-protagonisti li se jieħdu sehem f’dan l-ispettaklu nsibu lil Gloriana, Marisa D’Amato, Ludwig Galea, Michela Galea, Laura Bruno, Neville Refalo, Ivan u Krista Spiteri Lucas, Marie Claire, Rachel Grech, u Josef Tabone li għandu f’idejh id-direzzjoni ta’ kor. Il-kor se jkun magħmul minn diversi tfal u adolexxenti li se jkunu qed jakkumpanjaw f’uħud mis-siltiet li se jiġu interpretati waqt dan l-ispettaklu.

L-arranġamenti mużikali u d-direzzjoni mużikali huma f’idejn Mark Spiteri Lucas, filwaqt li l-korjografija ġiet fdata f’idejn Celaine Buhagiar, u ż-żeffiena minn Dancel Dance Studio. Id-direzzjoni artistika ġiet fdata f’idejn Ludwig Galea.

Il-booking għal dan l-ispettaklu jinsab miftuħ u l-biljetti jistgħu jinxtraw online minn www.bookingoffice.com.mt jew billi wieħed iċempel fuq 9946 8429.