Internazzjonali

Stati Uniti-Analiżi: Diversi osservaturi jqisu d-diskors ta’ Trump bħala ‘messaġġ ta’ intimidazzjoni’

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, waqt l-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej għall-erba’ snin li jmiss, tkellem dwar ix-xewqa li jkun ‘protagonista għall-għaqda u l-paċi’ — filwaqt li esprima s-sodisfazzjon personali dwar il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li qed iżomm, għalissa, f’Gaza.

Iżda għal ħafna Mexxejja barranin – u l-komunità internazzjonali – id-diskors inawgurali kien wieħed aggressiv mimli bir-referenzi għas-saħħa u l-potenzjal tal-Istati Uniti….

Diskors mimli bl-attakki u kummenti dispreġjattiv dwar l-Amministrazzjoni tal-eks President Joe Biden u fejn ma naqsux it-theddid ‘familjarji’ ta’ Trump kontra kulmin jipprova jfixkel il-politika u l-ambizzjonijiet tiegħu.

Donald Trump anki fisser l-għoti (mill-Istati Uniti) tal-Panama Canal lill-Panama bħala ‘żball monumentali’ u meta ċ-Ċina – potenza rivali għal Washington – qed tgawdi minn din is-sitwazzjoni. Trump għamlha ċara li pajjiżu, issa, lest biex jindirizza ċ-ċirkustanzi fost il-messaġġ li ‘l-Istati Uniti għandha tieħu lura l-Panama Canal’.

L-ideat ta’ espansjoni ta’ Trump kienu wkoll espressi fir-rigward tal-Golf tal-Messiku – li Washington, minn issa ‘il quddiem, se jirreferi għalih bħala l-‘Gulf of America’.

Trump ma naqasx milli jwissi wkoll li l-Istati Uniti, taħt il-tmexxija tiegħu, għandha tespandi l-fruntieri — u meta fil-jiem li ġejjin hu kapaċi jiddettalja l-pjan għall-kontroll sħiħ ta’ Greenland; it-territorju semi-awtonomu li l-politika barranija u għad-difiża tiegħu qed titmexxa mid-Danimarka.

Il-messaġġ implikat kien wieħed ċar anki jekk Trump malajr dawwar id-diskors għall-ambizzjonijiet ‘biex l-astronawti Amerikani jkunu l-ewwel li jqiegħdu l-bandiera Amerikana fuq il-Pjaneta Mars’.

Jidher ukoll li Donald Trump qed jiddikjara gwerra qalila fuq l-organizzzzjonijiet għat-traffikar u ċirkulazzjoni tad-droga li hu, illum, qed jirreferi għalihom bħala entitajiet ‘terroristiċi’ aktar milli kriminali.

Dan waqt li l-ekonomija globali għandha titheżżeż mill-mewġa tat-tariffi li qed jippjana Trump bħala mezz qawwi ta’ introjtu għal pajjiżu….Fiċ-ċirkustanzi, huwa ċar il-kumment speċifiku ta’ Trump li ‘l-Istati Uniti se timponi t-tariffi u t-taxxi għall-pajjiżi oħrajn biex iżżid il-livell ta’ ġid għaċ-ċittadin Amerikan’.