Internazzjonali

Stati Uniti: ‘L-aħħar maħfriet’ ta’ Biden qabel it-tmiem tal-Presidenza

L-Eks President Joe Biden, f’waħda mill-aħħar direttivi qabel spiċċa mit-tmexxija tal-Istati Unit, ikkonferma l-maħfriet għal Anthony Fauci, l-Uffiċjal Mediku Ewlieni li mexxa r-reazzjoni tal-pajjiż għall-pandemija tal-Covid u l-investigaturi li kienu qed jindagaw l-iżviluppi tal-irvellijiet storiċi tas-6 ta’ Jannar tal-2021 mis-sostenituri ta’ Donald Trump f’Washington – irvellijiet fejn is-sostenituri invadew is-Sede tal-Gvern fil-Capitol biex jaqilbu r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020 li kkonferma r-rebħa ta’ Biden.

Biden qal li ħa l-pass biex jevita li dawn in-nies ikunu suġġetti ‘għall-prosekuzzjoni inġusta u motivata minn sens politiku ta’ vendikazzjoni’ mit-tmexxija ġdida. Joe Biden qal ukoll li l-Istati Uniti għandha għalfejn tirrngrazzja lil dawn l-uffiċjali pubbliċi li impenjaw ruħhom bis-sħiħ għall-interess tal-pajjiż.

Il-President Trump kien involut f’numru ta’ battibekki ħorox ma’ Fauci waqt il-pandemija u fi żmien meta hu kien għaddej bl-ewwel mandat tal-Presidenza. Trump anki ssuġġerixxa li għandu jieħu ‘azzjoni’ kontra l-uffiċjali u investigaturi li żammewh responsabbli għall-irvellijiet tal-2021, f’Washington, li kienu swew il-ħajja ta’ mill-anqas sitt persuni.

Joe Biden – qabel l-inawgurazzjoni tal-President ġdid – ħaseb ukoll biex jaħfer uffiċjalment lil Mark Milley, eks chairman tal-Joint Chiefs of Staff tal-militar Amerikan, li s-sena l-oħra kien irrefera pubblikament għal Trump bħala ‘faxxist minn rasu sa saqajh’– kummenti li poġġewh fil-mira tal-President ġdid tal-Istati Uniti li beħsiebu jagħmel il-kontijiet ‘ma lista twila ta’ avversarji’.