Knisja Kultura Kummerċ Lokali

50 anniversarju tal-BOV: Prestazzjonijiet mużikali u proġetti ta’ konservazzjoni fil-komunitajiet

Bħala parti miċ-ċelebrazzjoniet tal-50 anniversarju tiegħu, il-Bank of Valletta jkompli bl-impenn tiegħu lejn il-preservazzjoni kulturali u l-involviment fil-komunità b’żewġ serati ddedikati lill-mużika u l-istorja.

L-ewwel appunment huwa għal nhar it-Tnejn, 3 ta’ Frar,  fil-Bażilika u l-Kulleġġjat tal-Knisja Proto-Parrokkjali ta’ San Pawl fir-Rabat, u wara, it-Tnejn, 24 ta’ Frar, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Qalb Sagra ta’ Ġesù f’Tas- Sliema. F’dawn is-serati se jkun hemm is-sehem tal-kwartett ta’ mużiċisti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Dawn l-inizjattivi jibnu fuq is-suċċess tas-sitt serati li ttellgħu s-sena l-oħra, u li ġabu flimkien il-komunitajiet biex jiċċelebraw il-wirt artistiku ta’ Malta. Dawn l-avvenimenti, li saru madwar Malta u Għawdex, żewġu l-mużika u l-arti biex joħolqu rabta sinifikanti bejn il-Bank, il-klijenti tiegħu, u l-komunità usa’. Kull avveniment kien marbut ma’ proġett ta’ konservazzjoni sinifikanti li l-Bank kien ikkontribwixxa għalih biex jiżgura l-preservazzjoni tat-teżori kulturali ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Is-serata li se tittella’ fir-Rabat se timmarka t-tnedija tar-restawr ta’ disa’ pitturi tas-seklu 18 li jinsabu fil-Bażilika u l-Knisja Kolleġġjata Proto-Parrokkjali ta’ San Pawl. Sadanittant, f’Tas-Sliema, se jibda xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-post fuq il-pittura apsidali ikonika li tinsab fis-Santwarju tal-Madonna tal-Qalb Sagra ta’ Ġesù. L-apside ġġib l-isem tat-Trijonf tal-Immakulata Konċezzjoni u hija xogħol tal-pittur Giuseppe Cali.

Dawn iż-żewġ proġetti ta’ restawr huma fdati lil PrevArti, li kienu strumentali fil-preservazzjoni ta’ wħud mill-aktar xogħlijiet ta’ arti għeżież li għandna fil-gżejjer tagħna.

L-avvenimenti li se jittellgħu fi Frar se jinkludu intervent qasir mir-restawratur magħruf Pierre Bugeja minn PrevArti. Huwa se jaqsam tagħrif dwar il-proċess ta’ restawr, u  jikkondividi l-istorja u s-sinifikat tal-opri ta’ arti li se jiġu rrestawrati. Il-mistednin se jgawdu wkoll minn wirja mużikali mill-kwartett tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Dan l-avveniment huwa miftuħ għal kulħadd u huwa bla ħlas.  Il-Bank jistieden lil kulħadd biex jingħaqad f’dawn iċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali, l-istorja, u mużika.