Lokali

Raġel jingħata daqqiet ta’ mus fil-Ħamrun: Jitressaq l-allegat agressur u jinżamm arrestat

Żagħżugħ ta’ 26 sena li qal fil-Qorti li huwa tallab u li għandu problema ta’ droga, inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li nhar il-Ħadd filgħaxija ta bil-mus lil raġel ta’ 64 sena u kkaġunalu ġrieħi gravi fil-Ħamrun.

Marcus Slaine Azzopardi qal lill-Qorti li l-indirizz tiegħu jinsab f’Santa Venera, imma missieru ma jħallihx jgħix hemm u spiċċa jgħix f’għalqa. Huwa qal lill-Qorti li ma jaħdimx u jgħix billi jittallab u jiġbor il-fliexken biex isarrafhom.

Allegatament il-Ħadd, għall-ħabta tat-8:30pm., il-vittma residenti l-Ħamrun safa aggredit fi Triq Manwel Magri, il-Ħamrun, proprju quddiem il-Knisja tal-Kunċizzjoni. L-anzjan ħareġ bil-kelb tiegħu, kif jagħmel kull filgħaxija, meta ltaqa’ mal-akkużat li beda jitolbu “xi ħaġa tal-flus”. Kien hawn li r-raġel qallu li m’għandux flus x’jagħtih, u kien hawn meta l-allegat aggressur tah daqqa ta’ ponn, bir-riżultat li l-anzjan waqa’ mal-art.

Hawnhekk, allegatament Azzopardi beda jagħti numru ta’ daqqiet ta’ sieq lill-vittma, filwaqt li beda juża kliem dispreġjattiv fil-konfront tiegħu. Kien hawn li Azzopardi ħareġ mus u allegatament ta tliet daqqiet ta’ mus lir-raġel, tnejn f’dahru u waħda f’għonqu.

Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi. L-Avukat tal-għajnuna legali Alexia Vassallo, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat mill-Uffiċċju tal-AĠ Miryea Mifsud u mill-Ispettur Elisia Scicluna.