Ħamrun Spartans komplew bil-konsistenza tagħhom wara li huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-1. Din kienet it-tieni rebħa minn daqstant logħbiet fil-Closing Round biex l-Ispartans issa huma fost il-favoriti li jispiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika u b’hekk fiz-zona play offs. L-attakkant tagħhom Raphael Lopes Silva għal darb’oħra sab ix-xibka biex kompla jżomm l-appuntament mal-gowl. L-Ispartans ħadu vantaġġ bikri f’din il-partita minkejja li b’xi ftit ta’ kontroversja, hekk kif possibilment l-awtur tal-gowl kien f’pożizzjoni ta’offside. Huma komplew jibnu fuq dan biex il-penalty ta’ Montebello kien wieħed li ta ftit serħan tal-moħħ lit-tim immexxi minn Zinnari. Għax minkejja li Falcone daħħal mill-ġdid lill-Pawlisti biċ-ċans, xorta waħda sat-tmiem Ħamrun żammew sod biex ħadu l-punti massimi.
Joseph Mbong bil-pussess tal-ballun imdawwar b’tliet plejers ta’ Hibernians (Ritratt: Joseph Galea)
Birkirkara naqsu li japprofittaw mill-inferjorita numerika ta’ Gżira United fejn huma setgħu jaslu sa draw ta’ 2- 2 kontra Gżira United. Wara t-tkeċċija ta’ Enrico Pepe, kulħadd ħaseb li t-triq kienet ser tkun waħda faċli għall-Istripes minbarra l-Maroons li rnexxielhom jiksbu l-gowl tad-draw u jsalvaw punt minn din il-logħba. Għalihom iddebuttaw tliet players; il-gowlkeeper Mangano flimkien ma’ Barbosa u Denic. Debutt għal Birkirkara ta’ Donovan Makoma. U jekk Birkirkara jridu li jkunu fost l-isfidanti ewlenin hemm bżonn li jkunu aktar konvinċenti fil-logħob tagħhom u anki fir-riżultati. Mill-banda l-oħra bil-kwalitajiet tat-tim immexxi minn Giovanni Tedesco, huma kapaċi jissieltu biex ikunu mat-Top Six u b’hekk ikunu ċerti li jevitaw kull periklu possibbli.
Melita wettqu sorpriża meta kontra kull mistenni għelbu lir-rebbieħa tal-Opening Round Floriana bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa meritata għat-tim immexxi minn Clive Mizzi li kkontrolla lill-avversarji aktar ikkwotati u skorja gowl f’kull taqsima. Fl-Opening Round Melita u Floriana spiċċaw fi draw ta’ 3-3 biex b’hekk il-Greens għad iridu jirbħu kontra Melita. Melita fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti logħob, bir-reazzjoni ta’ Floriana tonqos li tasal. Verament li mal-bidu tat-tieni taqsima l-Greens ippressaw ħafna lill-avversarji fejn hawn kien determinanti l-gowlkeeper Lubik li wettaq numru ta’ saves fosthom wieħed spettakolari. It-tieni gowl minn Melita wasal kontra x-xejra tal-logħob iżda qatel għal kollox it-tamiet ta’ Floriana li setgħu jsalvaw il-logħba.
Sliema Wanderers kisbu l-ewwel punti fil-Closing Round wara rebħa komda kontra Naxxar Lions bl-iskor ta’ 4-0. Il-Blues kienu ġejjin minn telfa xejn mistennija kontra Zabbar SP u għaldaqstant ħarġu aktar determinati b’rebħa importanti biex jibdew jiġbru l-punti sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom bħalma għamlu fl-Opening Round tal-Premier League. L-avversarji tagħhom Naxxar Lions kienu ġejjin minn telfa kbira kontra Floriana u minkejja li ppruvaw, xorta waħda spiċċaw fuq in-naħa telliefa u bi skor kbir. U dan anki meta l-avversarji tagħhom kienu f’inferjorità numerika wara t-tkeċċija ta’ Acheampong mas-siegħa logħob. Żgur li t-tim immexxi minn George Vella jrid jissaħħaħ sew sabiex jipprova li jevita l-aħħar żewġ postijiet fil-klassifika li jfissru relegazzjoni.
M’Xlokk kisbu l-ewwel rebħa tal-Closing Round wara li huma għelbu lit-tim fil-forma ta’ Żabbar SP bl-iskor ta’ 3-1. Kellhom ikunu żewġ gowls tard fil-partita minn Alex De Aguiar li firdu lil dawn iż-żewġ timijiet. Fil-fatt kien it-tim Żabbari li fetaħ l-iskor minn Keqi, iżda aktar ma beda jgħaddi l-ħin aktar ix-Xlukkajri bdew iżidu fil-logħob tagħhom sakemm kisbu l-gowl tad-draw u eventwalment skurjaw iż-żewġ gowls finali. L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata iżda finalment M’Xlokk kisbu tliet punti important fit-tentattiv tagħhom li jissieltu għal post mat-Top Six. Għal Żabbar, din kienet telfa li forsi ma stennewx iżda xorta waħda bil-kwalitajiet li għandhom kapaċi li jevitaw ir-relegazzjoni.
Żewġ azzjonijiet akrobatiċi mill-partita Marsaxlokk kontra Żabbar (Ritratt: Joseph Galea)
U jkompli l-mument pożittiv ta’ Balzan fejn dawn irnexxielhom jegħlbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-2 f’logħba li rriżultat bħala waħda interessanti u kumbattuta. Kienet partita li rat lil Mosta jieħdu l-vantaġġ iżda Balzan kienu dejjem determinati li ma joħorġux b’idejhom vojta mit-Tony Bezzina Stadium. Iżda jekk l-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata, fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta deher l-aħjar ta’ Balzan li b’hekk komplew bir-riżultati pożittivi taħt il-gwida tal-kowċ Daryl Willard. Għal Mosta, dan kien riżultat li forsi ma stennewx iżda l-logħbiet qed ikunu kollha bilanċjata fejn id-differenza bejn il-maġġoranza tat-timijiet hija waħda minima.
INNUTAJNA
LI għat-tieni taqsima tal-logħba bejn Melita u Floriana nbidel ir-referee. Jidher li Daniel Casha sofra xi injury matul l-ewwel ħamsa u erbgħin minuta biex it-tieni taqsima ġiet ikkontrollata mir-raba’ uffiċjal Alex Johnson.
LI matul il-ġimgħa li għaddiet tħabbar il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti. Dan ser ikun għal darb’oħra ta’ skola Taljan, kowċ t’esperjenza li ħadem ma’ diversi kowċis rinomati. Auwuri Mister De Leo.
LI l-Hibs Ultras kellhom animazzjoni sabiħa għal-logħba li ntlagħbet fil-ground tagħhom kontra Ħamrun Spartans. Ħasra li l-attendenza setgħet kienet ferm aħjar, aktar u aktar meta l-logħba ntlagħbet fil-ground tar-raħal tagħhom.
//= $special ?>