Knisja Lokali

Il-Ġublew mal-Aħwa Nsara fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara 2025

L‑Arċisqof jieħu sehem fis‑Servizz Ekumeniku Djoċesan f’St Andrew’s Scot Church fil-Belt Valletta bħala parti mill‑attivitajietcwaqt il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda Fost l‑Insara 2024 - 19/01/24Aktar ritratti hawn: knisja.mt/ritratti

Bħalissa l-Insara kollha madwar id-dinja qed jiċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara li se tintemm nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar 2025. F’Malta, jum qabel se jsir il-Ġublew mal-Aħwa Nsara fil-ġurnata li normalment isir is-Servizz Ekumeniku Djoċesan. Dan se jitmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna, waqt li l-omelija ssir mill-Eżarka Kyrillos ta’ Melite, li hu l-Eżarka lokali f’rabta diretta mal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli. Dakinhar jieħdu sehem il-mexxejja ta’ Knejjes oħra, Ortodossi u Protestanti, li jinsabu f’pajjiżna.

Is-Servizz Ekumeniku Djoċesan se jsir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2025 fis-6:30pm fil-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Din il-parroċċa ntagħżlet peress li San Nikola hu qaddis ekumeniku, għażiż ħafna għall-Kattoliċi u għall-Ortodossi. Barra minn hekk hemm tradizzjoni antika tgħid li San Nikola ta’ Mira ħa sehem fl-ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea 1,700 sena ilu.

Matul din il-ġimgħa l-Knejjes differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku biex isseħħ l-għaqda fost l-Insara. It-tema li ntagħżlet għal din is-sena hi meħuda mill-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Temmnu inti dan?” (Ġw 11:26) – li hu d-djalogu bejn Ġesù u Marta, ftit qabel ma l-Mulej jagħmel miraklu u jġib lil Lazzru lura għall-ħajja. Din is-sena, it-tema u l-materjal ta’ talb tħejja minn grupp ekumeniku mill-komunità monastika u ekumenika ta’ Bose, fit-Tramuntana tal-Italja. Il-materjal bil-Malti jista’ jitniżżel minn
hawn.

Il-ġest simboliku ta’ din is-sena meħud mil-Liturġija tal-Vġili tal-Għid, peress li dawk preżenti se jagħtu d-dawl ta’ Kristu lil xulxin permezz tax-xemgħat li se jintużaw.

Hu d-dover ta’ kull Nisrani li jitlob għall-għaqda fost il-Knejjes mifrudin. Dan l-impenn ekumeniku hu parti mill-missjoni tal-Knisja, l-aktar minn żmien il-Konċilju Vatikan II. Kulħadd hu mistieden għas-Servizz Ekumeniku Djoċesan. Dan idum madwar siegħa.