Lokali

Il-Gvern mhux iffukat fuq dak li verament qed jaffetwa lin-nies

Minflok qed niddiskutu kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin spiċċajna niddevjaw fuq suġġetti li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jisforza fuq l-aġenda biex jiddefendi lil tal-qalba.

Dan saħqu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt il-programm Xtra flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard…fejn insista li xtaq jiddiskuti suġġetti bħal l-għoli tal-ħajja, li verament qed taffettwa ħajjet iċ-ċittadin; iżda minflok kellu jiddiskuti l-inkjesti maġisterjali li jrid ibiddel il-Labour.

Meta mistoqsi mill-preżentatur biex isemmi xi jridu jbiddlu Abela u sħabu fil-mod kif isiru l-Inkjesti, il-Ministru Attard żerżaq il-fatt illi qed jiġi propost li ċittadin normali ma jmurx aktar il-Qorti biex jitlob li tinfetah inkjesta maġisterjali – iżda se jkollu jmur direttament għand il-Pulizija. Dan meta fl-aħħar snin rajna Kummissarju wara l-ieħor jonqos milli jinvestiga.

Hanwhekk, Michael Piccinino insista li l-iskop preżentament hu sabiex ma jintilifx aktar ħin u l-investigazzjoni tal-Maġistrat tibda minnufih biex tiġi ppreservata l-evidenza kemm jista’ jkun malajr.

Il-Ministru ma eskludiex wkoll li biex ċittadin jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta jkun hemm xi forma ta’ ħlas.

Intant mistoqsi jekk jaħsibx li Robert Abela qed jagħmel dan biex jintgħoġob mal-Laburisti…is-Segretarju Ġenerali insista illi li huwa żgur hu li b’dan id-diskors mhux jgħin biex issir ġustizzja.

Michael Piccinino fakkar li l-ebda talba għall-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali li kellha konnatazzjonijiet politiċi ma kienet frivola u li fl-aħħar xhur u snin rajna eżiti xokkanti bħal fil-każ ta’ Vitals u Steward Healthcare.