Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-futur ta’ pajjiżna hija msejsa fuq l-istess mudell ta’ kumpaniji stabbiliti f’pajjiżna li għarfu jifhmu li s-suċċess jinbena billi nimmiraw għal xogħlijiet tajbin li jħallsu kif xieraq u bil-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ impjiegi dejjem aktar speċjalizzati u li jħallsu tajjeb.
Waqt żjara li għamel lill-kumpanija STMicroelectronics f’Ħal Kirkop, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li s-suċċess ta’ din il-kumpanija hu mibni fuq il-fatt li kienet kapaċi toħloq impjiegi ta’ kwalità u tul is-snin impjegat eluf ta’ professjonisti.
L-STMicroelectronics – kumpanija multinazzjonali li timmanifattura s-semiconductors – ipprovdiet ħafna opportunitajiet lil inġiniera u ħaddiema oħra tekniċi biex jikbru fl-għarfien u l-professjonalità tagħhom, u huma min-naħa tagħhom taw servizz imprezzabbli lill-kumpanija. Din ir-riċetta ħadmet tajjeb ħafna u hu għalhekk li l-STMicroelectronics tgawdi mir-reputazzjoni tajba li għandha f’pajjiżna.
Bernard Grech qal li din il-kumpanija hija operatur ewlieni u essenzjali f’Malta għaliex għandha produzzjoni ta’ valur miżjud qawwi. Dan minnu nnifsu jwassal għall-ħolqien ta’ xogħlijiet ta’ kwalità. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon kbir li qed naraw lil din il-kumpanija tkompli tkabbar l-operat tagħha anke permezz ta’ faċilitajiet ġodda li mistennija jitlestew fis-snin li ġejjin.
B’madwar 1,700 ħaddiem u dħul ta’ madwar biljun dollaru Amerikan fl-2023, l-ST hija l-kumpanija bl-akbar numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f’Malta, u tipproduċi microchips għal klijenti multinazzjonali f’diversi oqsma tat-teknoloġija innovattiva bħalma huma s-settur tal-karozzi u l-prodotti elettroniċi tal-konsumatur fosthom il-mobiles.
Il-Partit Nazzjonalista, kemm mill-Oppożizzjoni u aktar u aktar mill-Gvern, se jibqa’ jsostni bis-sħiħ lil kumpaniji bħall-STMicroelectronics u jħares ’il quddiem biex l-STMicroelectronics u kumpaniji ta’ standards għolja oħrajn jibqgħu jikbru u jagħtu l-opportunitajiet lil ħaddiema li jixtiequ jibnu karriera fis-sod. Gvern Nazzjonalista jrid jagħti aktar inċentivi sabiex pajjiżna jieħu post fuq quddiem nett fejn tidħol l-innovazzjon u bhekk ikompli jikber il-kontribut imprezzabbli li kumpanijia bħall-ST jagħtu lill-ekonomija Maltija.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jiġi aġġornat bl-isfidi dejjem jinbidlu biex Malta tattira dejjem aktar investimenti ġodda imma wkoll biex dawk il-kumpaniji li bħall-STMicroelectronics investew il-miljuni tul is-snin jibqgħu joperaw f’pajjiżna bil-qalb. Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni li għandha l-ST mal-MCAST, l-Università ta’ Malta u l-Kamra tal-Inġiniera sabiex dan is-settur importanti tal-ekonomija jibqa’ jkollu ħaddiema mħarrġa, fosthom inġiniera li jissodisfaw id-domanda ta’ kumpaniji bħal dawn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità li mhux biss jiltaqa’ mad-diriġenti tal-kumpanija u jżur il-Control Room imma wkoll jiltaqa’ ma’ numru ta’ ħaddiema li jaħdmu f’taqsimiet differenti tal-fabbrika.
Waqt iż-żjara fl-impjant tal-STMicroelectronics, Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus, mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, u mix-Shadow Minister għax-Xogħol u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J Bartolo.
//= $special ?>