Mara ta’ 61 sena miż-Żejtun ġiet immultata €2,000 wara li nstabet ħatja mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li tajret mara li kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing f’Birżebbuġa. Anna Scicluna nstabet ħatja li fis-16 ta’ Marzu 2023, għall-ħabta tas-5.45pm, fi Triq il-Misraħ il-Knisja, saqet bi traskuraġni u kkaġunat ġrieħi gravi fuq il-vittma.
Il-vittma qalet fil-Qorti li kienet kienet qed taqsam minn fuq iż-zebra crossing, faċċata tal-Knisja, meta ntlaqtet minn karozza misjuqa mill-akkużata u li sofriet ksur fejn damet disa’ xhur fil-wheelchair. Qalet li l-karozza li laqtitha qabżet karozza li kienet wieqfa u sabet lilha.
Il-vittma qalet li konsegwenza ta’ dan l-inċident, kellha ksur fil-‘hipbone’ u spiċċat bl-ispalla maqlugħha. Qalet ukoll li damet disa’ ġimgħat fil-wheelchair. Tenniet ukoll li l-akkużata li hija infermiera, waqqfet biex tagħtiha l-għajnuna.
Ma tafx imma li kienet hi li ċemplet għall-ambulanza minħabba li dak il-ħin ħarġu ħafna nies. Però, ikkonfermat li Scicluna marret idewwiha u anke marret taraha wara l-inċident. Il-Maġistrat Micallef Stafrace qalet fid-deċiżjoni tagħha, li meta sewwieq ta’ vettura jkun fil-vicinanzi ta’ zebra crossing irid ikun viġilanti għall-aħħar u jżomm “a proper lookout” rigward persuni li jkunu qed jużaw iż-zebra crossing.
L-imputata ma għamlitx hekk u b’hekk seħħ l-inċident u b’konsegwenza Scicluna hi ħatja ta’ dan ir-reat. Filwaqt li kkundannata għal multa ta’ €2,000, ordnat li jitnaqsulha sitt punti minn fuq il-licenzja tas-sewqan.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Diane Vella.
//= $special ?>