Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ traffikar ta’ eroina u kokaina

Raġel li 43 sena mill-Belt Valletta nżamm arrestat mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo wara li ġie mixli bi traffikar ta’ eroina u kokaina. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba l-kondotta kkulirita li għandu.

Claudio Mallia li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, ġie mixli li fis-26 ta’ Novembru, 2024 u fix­-xhur ta qabel fil-Marsa u bnadi oħra, ittraffika d-droga kokaina u eroina u li kien fil-pusses tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu personali tiegħu.

Ġie mixli wkoll li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex ippromova, organizza jew iffinanzja assoċjazzjoni b’rabta mat-traffikar tad-droga. Mallia ġie mixli wkoll li sar reċidiv. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat li kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni.

Meta mistoqsija mid-difiża kemm kienu l-ammonti ta’ droga inkwistjoni, il-prosekuzzjoni qalet li nstabu qratas ta’ 5.48 grammi ta’ sustanza bajda u sustanza oħra kannella u ħadranija li kienet tiżen 8.32grammi. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li għaddejja Inkjesta Maġisterjali fuq il-każ u li l-kondotta ta’ Mallia hija waħda b’diversi kundanni u l-akkużi ta’ traffikar ta’ droga jfissru piena effettiva ta’ ħabs jekk tinstab il-ħtija. Punt ieħor li ssemma kien li l-akkużat m’għandux impjieg.

Id-difiża qalet li huwa minnu li f’każ ta’ ħtija hemm piena ta’ ħabs vera, iżda qalet li dak l-ammont ta’ 12-il gramma kollox ifisser li għandu jaqa’ taħt ‘drugs court’ – jiġifieri forma ta’ għajnuna flok priġunerija u tingħata piena alternattiva.  Id-difiża qalet ukoll li mhux minnu li l-każ għadu fi stadju bikri, għaliex dan huwa każ ta’ xahrejn ilu, u li hemm il-konservazzjoni tal-provi u li kollox jinsab preservat.

Dwar il-fedina penali Mallia għadu preżenut innoċenti. Dwar il-fatt li huwa bla xogħol, huwa għandu s-sapport kollu tal-familja li tinsab barra l-awla. “Ma tagħmilx sens li għax m’għandux xogħol jinżamm arrestat. Għadu ħiereġ mill- isptar għax għamel erba’ operazzjonijiet maġġuri. Nagħmlu iktar ħsara milli ġid jekk jinżamm arrestat, aktar u aktar meta m’hemmx xhieda pajżana. Filwaqt li lest li joqgħod għall-ordnijiet tal-Qorti,” kompliet tgħid id-difiża.

Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju kienet qed tiċħad it-talba minħabba l-fedina penali ta’ Mallia fejn jirriżulta li għandu karattru raffrettarju u mhux konvinta li huwa lest li joqgħod għall-garanziji mogħtija. Il-Qorti qalet li qed tirrakkomanda lid-Direttur tal-Ħabs minħabba l-kundizzjoni tiegħu u jekk ikun il-każ, jinżamm fit-taqsima forensika.

Għal Mallia dehru l-avukati Rene Darmanin u Ishmael Vella. L-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Elisia Scicluna mexxew il-prosekuzzjoni.