Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġuridizzjoni Kostituzzjonal tagħha, ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas kumpens ta’ €2,500 lil żagħżugħ mis-Senegal li kien ilu aktar minn erba’ snin miżmum fl-Isptar Monte Carmeli wara li l-Qorti tal-Maġistrat kienet iddikjarat li meta wettaq reat ma kienx fi stat mentali tajjeb. Huwa ngħata danni għaliex ma ngħatax rimedju effettiv mill-Qorti.
Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena għal diversi drabi talab lill-Qorti biex taħtar numru ta’ speċjalisti li setgħu jiddeterminaw l-istat psikjatriku tiegħu u jekk kellux jibqa’ miżmum fl-isptar wara li għadda ħafna żmien. Minkejja l-insistenza tiegħu, dawn it-talbiet ġew injorati.
Dan ma ħallielu l-ebda għażla ħlief li jiftaħ proċeduri kostituzzjonali, bil-każ jiġi quddiem l-Imħallef Mark Simiana. Huwa ordna l-ħatra tal-ispeċjalisti biex jikkumpilaw rapport fi żmien xahrejn u dan sabiex is-sitwazzjoni tiegħu tiġi għall-attenzjoni tal-Qorti. Kien hawn li ż-żagħżugħ eventwalment ingħata d-danni.
Il-każ seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2020 meta ż-żagħżugħ, li dak iż-żmien kellu biss 20 sena, beda jsofri minn episodju psikotiku. Dan wassal biex fl-Imsida huwa attakka tliet persuni u kkaġunalhom ġrieħi ħfief. Hu tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat bi tliet stanzi ta’ feriment ħafif u ksur ta’ paċi pubblika.
F’każ ta’ ħtija fuq l-akkużi kollha li kien akkużat bihom, iż-żagħżugħ seta’ jintbagħat sa massimu ta’ seba’ xhur u nofs ħabs. Il-Maġistrat Monica Vella kienet ordnat li ż-żagħżugħ jinżamm f’Monte Carmeli minflok jintbagħat il-ħabs, dan sakemm panel ta’ tliet persuni kkonferma li seta’ jinħeles. Minkejja li tħejja rapport ta’ qabel is-sentenza li rrakkomanda li ż-żagħżugħ jingħata sentejn ta’ trattament, hu għalhekk baqa’ miżmum Monte Carmeli.
Fid-dawl ta’ dan, iż-żagħżugħ għamel bosta talbiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Vella biex jinħatar il-panel li seta’ jiddetermina l-istat mentali tiegħu u anke ressaq rikorsi biex jinħeles mill-arrest, fejn allega li kien qed jinżamm arrestat illegalment.
Madanakollu, it-talbiet kollha tiegħu ġew rifjutati. Dan minkejja li kienu għaddew is-sentejn indikati mir-rapport għal trattament liż-żagħżugħ. Fil-kawża kostituzzjonali li fetaħ, iż-żagħżugħ qal li d-detenzjoni tiegħu kienet waħda arbitrarja u kien qed jiġi mċaħħad minn rimedju effettiv.
Apparti li allega wkoll li kienu qed jinkisru d-drttijiet fundamentali tiegħu, li kien qed jiġi mċaħħad mid-dritt għal ħajja privata u kien qed jiġi soġġett għal trattament inuman jew degradanti, fid-dawl tas-sitwazzjoni f’Monte Carmeli. Talbiet iżda li l-Qorti ma laqgħetx.
Madankollu f’Ġunju li għadda, il-Qorti rrifjutat it-talba tiegħu għal miżura interim biex parzjalment tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni. Fil-kawża, xehed speċjalist li qal li ż-żagħżugħ kellu qagħda mentali tajba u filwaqt li l-kundizzjoni tiegħu ma setgħetx titfieq, dehret li kienet taħt kontroll.
Madankollu stqarr li l-aħjar pass fl-opinjoni tiegħu, kien li jinħeles b’mod temporanju u jiġi moniterat qabel ma jinħeles għal kollox. L-Imħallef Simiana qal fid-deċiżjoni tiegħu, li l-provedimenti legali li jikkonċernaw persuni li jinħelsu minn kull akkuża għax instabu li kienu fi stat ta’ ġenn jolqtu l-bilanċ bejn l-interessi tagħhom u tas-soċjetà, b’rabta mal-ħtieġa li tinħatar panel ta’ tliet esperti.
L-Imħallef qal li seta’ jifhem għaliex il-psikjatri tal-każ ma kinux komdi jirrakkomandaw il-ħelsien tiegħu, fid-dawl li psikjatra wieħed irrakkomanda dan minkejja li ma kienx responsabbli għall-każ tiegħu u lanqas intalab jixhed fil-kawża.
Iżda minkejja dan, l-Imħallef ikkritika l-mod kif il-Qorti tal-Maġistrati naqset milli tisma’ fi żmien raġonevoli t-talba taż-żagħżugħ biex tinħatar il-panel u saħansitra rrifjuta l-eċċezzjoni tal-Avukat tal-Istat biex din tiġi ġustifikata. Sostna li ma setax jifhem għaliex għadha ma nħatritx din il-panel.
Filwaqt li għamilha ċara li ma nkisrux id-drittijiet fundamentali taż-żagħżugħ, hu sostna li jekk il-Qorti tkompli tonqos milli tieħu azzjoni, jaf ikun se jitwettaq ksur. L-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-kawża.
L-avukati Carla Camilleri, Neil Falzon u Kirsten Gatt mill-Fondazzjoni aditus irrappreżentaw liż-żagħżugħ.
//= $special ?>