Lokali

“Ministru dahru mal-ħajt, u settur tas-saħħa fi kriżi” – Adrian Delia

MRI f’parkeġġ, qalb il-ħadid. €40 miljun proġett li kellu jiftaħ 4 snin ilu. U issa nefqa ta’ €1.7 miljun oħra f’direct orders sabiex isiru xi “finishings”.

Dan huwa dak li kellu jkun meqjus bħala l-Isptar tas-South, il-Paola Hub… minkejja li fl-aħħar xhur, il-Ministru JoEtienne stqarr li dan il-Hub, kulma fadallu huma “certifications” u jkun jista’ jinfetaħ.

Il-Paola Hub kien imħabbar lura fl-2017, u oriġinarjament kellu jiftaħ fl-2022. Iżda mbagħad il-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, Chris Fearne, ħabbar li se jkun qed jiftaħ fis-sajf tal-2023.

Imbagħad inbidel il-Ministru, b’JoEtienne Abela jgħid li se jkun qed jiftaħ fl-2025.

Wara miljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej – issa, il-Gvern se jkun qed jonfoq €1.7 miljun sabiex isiru xi finishings, minkejja li JoEtienne Abela kien stqarr, għal darba darbtejn li kulma kien fadal sabiex jiftaħ il-hub – certification.

NetNews tkellem max-Shadow Minister Adrian Delia li spjega li JoEtienne Abela ma kienx veritier man-nies meta stqarr li dan il-proġett fadallu biss certification – filwaqt li mar jonfoq €1.7 miljun oħra sabiex jitlesta.

Intant, minkejja l-kriżi totali li ħakmet lill-Isptar Mater Dei, bi swali ffullati, nuqqas ta’ staff u issa anke tobba li għaddejin bid-direttivi… il-Ministru JoEtienne Abela spiċċa mitluf f’paniku, tgħajjir u attakki personali kemm fuq it-tobba nfushom u issa anke fuq il-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia, spejgalna li dawn l-attakki huma biss għaliex il-Ministru jinsab dahru mal-ħajt.

Adrian Delia fakkar fin-numru ta’ proġetti mwiegħda minn Gvern Laburista li ma sarux fosthom; in-Northern Hub li issa huwa kkonfermat li mhux se jsir, ir-riġenerazzjoni tal-Isptarijiet ta’ St Luke’s u Karin Grech, u sptar ġdid għas-saħħa mentali fost oħrajn.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li x-Shadow Minister impenja ruħu li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jipprijoritizza s-saħħa u l-ġid tal-pazjenti.